L-Oppożizzjoni topponi kundizzjonijiet dwar bidliet fl-użu tal-art mis-sidien tal-lukanda Fortina…se tkun diskussa fil-parlament
L-Oppożizzjoni qed toġġezzjona għal numru ta’ kundizzjonijiet ġodda fir-riżoluzzjoni dwar kuntratt ġdid li l-gvern qed jippjana li jagħmel mas-sidien tal-lukanda Fortina biex din tagħmel bidliet bil-ftehim oriġinali li għandha mal-gvern.
Din ir-riżoluzzjoni kienet diskussa fil-Kumitat dwar l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Verifika li fih l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Beppe Fenech Adami, Ryan Callus u Toni Bezzina waqt li l-Gvern hu rappreżentat mill-Ministru Evarist Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius u d-deputati Alex Muscat u Robert Abela. Il-Kumitat hu presedut mill-Viċi-Prim Ministru Chris Fearne.
Ir-riżoluzzjoni, li tressqet fil-Kumitat mis-Segretarju Parlamentari Chris Agius, titratta l-kuntratt tal-Gvern ma’ Fortina Development Ltd. u ma’ Fortel Services Ltd li huma propjetarji tal-lukanda Fortina u tispjega l-investiment li se jsir fil-bini ġdid, użu mħallat ġdid mill-propjetà bejn dak turistiku u dak ta’ residenzi, it-tneħħija ta’ limitazzjonijiet mill-kuntratt u bini ta’ strutturi ta’ akkomodazzjonijiet.
Biex jitneħħew dawn il-kundizzjonijiet trid titħallas is-somma ta’ €8 miljuni minn Fortel Ltd, li għamlu stima privata mill-kumpanija Deloitte li ġiet ta’ €2 miljuni u mhux €8 miljuni. Fortel Ltd. aċċettaw li jiħallsu t-€8 miljuni mitluba mid-Dipartiment tal-Artijiet u qed jitolbu li t-termini ta’ ħlas ikunu €1 miljun mal-kuntratt biex jitneħħew il-kundizzjonijiet u €7.1 miljun fuq 10 snin mid-data tal-kuntratt.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-kuntratt kien ppreżentat lill-Oppożizzjoni ftit ilu u l-workings ilbieraħ biss. L-Oppożizzjoni għandha riservi fuq il-prinċipju li kien hemm entita kummerċjali li qed tinnegozja l-proġett u wara li kkonkludiet ġiet għand il-gvern biex tagħlaq il-ftehim. Dan hu preċedent perikoluż għaliex mhux sew li xi ħadd jikkonkludi ma’ kumpanija tal-betting, jiftiehmu wara jiġi għand il-gvern biex jibdel il-kundizzjonijiet. Dan hu prinċipju ħażin għaliex mhux sew li xi ħadd juża xi ħaġa li m’għandux biex jagħmel pressjoni.
L-Oppożizzjoni topponi għall-valutazzjoni għaliex qed tinqabad valutazzjoni ta’ xi ħaġa u qed titpoġġa fuq xi ħaġa ferm ikbar. Ir-rapport tat-tliet periti tad-Dipartiment tal-Artijiet jispeċifika li dak li huma vvalutaw ma jirriflettix dak li hemm fil-kuntratt tal-lum. Il-periti għamlu valutazzjoni fuq 565 metru kwadru u issa l-ammont hu dwar 766 metru kwadru; 200 metru kwadru fix-Xatt ta’ Tas-Sliema.
Beppe Fenech Adami qal li ma jistax ikun li bejn l-awdituri privati u l-periti tad-Dipartiment tal-Artijiet ikun hemm disparità ta’ bejn €8 miljun u €2 miljuni. Fuq hekk biss ukoll hemm xi ħaġa ħażina, sostna Beppe Fenech Adami.
Hu qal li mill-kuntratt jirriżulta li hemm aspetti oħra li fuqhom ma sarx valur fosthom it-tneħħija tal-limitazzjoni tal-għoli tal-lukanda u l-użu ta’ żoni oħra. Ir-riseva tal-Oppożizzjoni hi li qed jintuża kuntratt ta’ 565 metru iżda fil-basket tal-kuntratt hemm ħafna iktar. Il-gvern qed jagħti l-kunsens biex il-565 metru kwadru jsiru akkomodazzjoni, qed ineħħi s-servitu fuq 2992 metru kwadru għal użu turistiku bla valutazzjoni fost oħra.
Dwar il-ħlas tal-prezz, l-Oppożizzjoni ma taqbilx li l-prezz jitħallas bil-mod propost għaliex m’hemm ebda obbligu fuq in-negozjant li biegħ il-propjetà. Il-probabbiltà hi li l-propjetà mhix se tinbiegħ u li l-bilanċ jitħallas sa mhux aktar tard minn 10 snin bla interessi. M’hemmx raġuni li tiġġustifika li l-gvern ikun il-bank minn flus il-poplu u l-gvern idum biex jitħallas 10 snin.
In-Nutar Malcolm Mangion, il-konsulent ta’ Fortel Ltd, qal li l-valutazzjoni saret fuq il-kuntratt u fuq iż-żona tal-permess li ma tbiddilx. L-ispazju miftuħ se jibqa’ hemm u għalhekk il-valutazzjoni hi fuq il-permess; li hu bbażat fuq interpretazzjoni ta’ opinjoni. Hu qal li veru li hemm dispartità fil-valutazzjoni fejn il-kumpanija stabbilit kemm tiswa l-propjetà.
In-Nutar Mangion qal li l-propjetarji riedu 10 snin biex iħallsu għax se jkollhom iħallsu erba’ darbiet iktar minn dak li l-kumpanija ta’ esperti stabbilew.
Id-deputat Laburista Alex Muscat qal li l-kumissjoni ta’ periti tad-Dipartiment tal-Artijiet trattaw art li ma kinitx quddiem il-baħar iżda kienet art fi propjetà privata tal-istess sidien. Il-gvern mhux qed jittrasferixxi art iżda qed ineħħi biss kundizzjoni għaliex l-art hi diġà tas-sidien.
Ryan Callus qal li din il-valautazzjoni saret żmien ilu mid-Dipartimenti tal-Artijiet fejn wara saru bidliet. Hu evidenti li n-numru ta’ kundizzjonijiet fihom prezz u għalhekk jidher li sensiela ta’ kundizzjonijiet ma kinux ikkalkulati bħala prezz. L-Oppożizzjoni ma tistax taqbel għaliex il-valutazzjoni mhix qed tikkunsidra l-aspetti kollha.
Il-Viċi-Prim Ministru Chris Ferane qal li minħabba li m’hemmx qbil dwar din il-mozzjoni, din għandha tmur fil-Parlament.
//= $special ?>