L-Istati Uniti qalet li trid twaqqaf koalizzjoni militari multinazzjonali biex tissalvagwardja l-ibħra madwar l-Iran u l-Jemen.
Il-Ġeneral Joseph Dunford, bħala ċ-Chairman tal-Joint Chiefs of Staff tal-militar Amerikan, qal li jrid ‘jaċċerta n-navigazzjoni ħielsa’ fir-reġjun li jipprovdi rotot tal-baħar essenzjali għat-trasport taż-żejt u materjal ewlieni ieħor.
Dan meta l-Istati Uniti qed iwaħħal fl-Iran għall-attakki li saru fuq sitt tankers taż-żejt bejn Mejju u Ġunju li għadda.
Il-Ġeneral Dunford qal li l-Istati Uniti tkellmet ma’ numru ta’ pajjiżi ‘bir-rieda politika li jappoġġjaw dawn il-pjani’. Hu spjega li l-Istati Uniti se tipprovdi l-bastimenti ‘għall-kmand u l-kontroll’ f’impenji ta’ sorveljanza u meta l-iskop hu biex pajjiżi oħrajn joffru d-dgħajjes għall-missjonijiet tar-ronda fil-viċin, kif ukoll għall-iskorta ta’ mal-bastimenti kummerċjali li jkunu qed ibaħħru taħt il-bandiera tagħhom.
Il-Ġeneral Dunford qal li l-Istati Uniti għandha taħdem ‘direttament mal-militar’ biex jidentifikaw il-kapaċitajiet speċifiċi ta’ kull pajjiż biex jappoġġja l-inizjattiva.
L-ibħra ta’ Hormuz u Bab al-Mandab huma lokalitajiet ta’ importanza strateġika li jipprovdu aċċess mill-Oċean Indjan lejn il-Golf u l-Baħar l-Aħmar, rispettivament.
Madwar 20 fil-mija taż-żejt ikkunsmat fuq livell globali jgħaddi mill-Baħar ta’ Hormuz ( li jgħaqqad l-Oċean Indjan mal-Golf) waqt li t-tankers taż-żejt li jbaħħru mil-Lvant Nofsani lejn l-Ewropa ( permezz tal-Baħar l-Aħmar) iridu jgħaddu minn Bab al-Mandab.
Il-Ġeneral Dunford qal ukoll li l-livell tal-inizjattiva jiddependi fuq l-ammont ta’ pajjiżi li jiddeċiedu li jieħdu sehem fiha.
L-Istati Uniti diġà għandha preżenza navali sostanzjali fir-reġjun u tipparteċipa f’diversi taskforces navali fuq livell multinazzjonali u li jwettqu missjonijiet għaż-żamma tas-sigurtà marittima. L-Amerikani huma wkoll impenjati f’missjonijiet simili għal kontra t-t-terroriżmu u azzjonijiet mill-pirati.
//= $special ?>