Mara ta’ 37 sena, li tiġi omm Liam Debono, akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-Pulizija Simon Schembri, ammettiet quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li wettqet għadd ta’ serqiet minn sitt pompi tal-petrol f’diversi nħawi ta’ Malta, f’Mejju u dan ix-xahar.
Il-pompi tal-petrol misruqin kienu f’Raħal Ġdid, Żabbar, Attard, Qormi, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa. Is-serqiet sar kollha matul il-lejl. Charlotte Zammit minn Ħal-Tarxien, ammettiet sitt akkużi ta’ serq aggravat, tliet akkużi ta’ ħsara fuq l-istess pompi u li kisret ordni ta’ probation. Hija kienet akkużata wkoll li saret reċediva.
“Jien obbligat li ninfurmak li peress li ammettejt tista tintbagħat il-ħabs,” qalilha l-Maġistrat Camilleri. “Trid aktar ħin biex tikkunsidra l-ammissjoni tiegħek”? “Le” hija wieġbet. “Tikkonferma l-ħtija tiegħek,” reġgħet staqsitha l-Qorti. “Iva” għal darba oħra wieġbet.
L-Ispettur Roderick Agius insista li hija g]andha tingħata piena karċerarja, u qal li Zammit tkun ta’ periklu għaliha u għas-soċjetà jekk kellha tkun libera.“Għandha problema tad-droga, il-kumpanija li tagħmilha magħha huma lkoll problema li tagħmilha diffiċli biex hija tirriabilità lilha nnifisha. Hija saret ukoll reċidiva u minkejja li ngħatat ordni ta’ probation ma ħatfitx iċ-ċans biex trabbi l-għaqal,” qal l-Ispettur Agius.
Kompla jgħid li għandha tuża’ ż-żmien tagħha fil-ħabs biex tirriabilità ruħha u toħroġ minn hemm bħala persuna aħjar. Fis-sottomissjonijiet tagħha l-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana rrimmarkat li l-mara ammettiet l-akkużi kollha kontriha fi stadju bikri.
“Hi tixtieq trabbi l-għaqal u tbiddel ħajjitha u għalhekk il-piena għandha tirrifletti dan kollu u fuq dan il-fatt. L-ammonti misruqa ma kienux kbar,” qalet l-Avukat Sultana. Il-Qorti qalet li kienet se tagħti s-sentenza l-ġimgħa d-dieħla. Sadanittant ma saritx talba għal liberta’ proviżorja.
//= $special ?>