Futbol Sport

Preparajna tajjeb u nistgħu nqumu għall-okkażjoni – Jacques Scerri

(Ritratt: Martin Agius)

Jacques Scerri se jkun qed jagħmel id-debutt bħala kowċ f’kompetizzjoni Ewropea hekk kif Balzan jilagħbu kontra NK Domzale. Dan se jkun il-ħames staġun konsekuttiv ta’ Balzan fl-Europa League u fl-aħħar snin irnexxielhom jiksbu tliet rebħiet u draw kif ukoll ikkwalifikaw għat-tieni rawnd l-istaġun li għadda.

Bi preparazzjoni għal dan il-konfront, Balzan kellhom kamp ta’ taħriġ fis-Slovenja u anki lagħbu xi logħbiet ta’ ħbiberija. Huma spiċċaw draw ta’ 1-1 kontra t-tim Sloven NK Bravo, rebħu 1-0 kontra t-tim tal-Kampjonat Premier tas-Serbja FK Vozdovac u temmew fi draw ta’ 0-0 kontra t-tim tal-Kampjonat Premier tas-Serbja FK Proleter.

It-tim Sloven fl-aħħar ħames staġuni dejjem spiċċaw mal-ewwel erbgħa fil-kampjonat Sloven u l-impenn kontra Balzan se jkun l-ewwel wieħed tagħhom f’pajjiżna. L-istaġun li għadda waslu sat-tieni rawnd tal-kompetizzjoni u fl-istaġun ta’ qabel kienu eliminati fil-play-offs minn Olympique Marseille.

F’konferenza stampa, Scerri tenna l-fiduċja sħiħa li għandu fit-tim u għandhom l-objettiv li jħarsu biss lejn il-logħba li jkun imiss. “Preparajna tajjeb u nistgħu nqumu għall-okkażjoni,” kompla Scerri. Hu se jkun qed jadatta t-tattika tiegħu għall-avversarju iżda wkoll se jimponi l-istil tiegħu fuq l-avversarji.

 “Kollox jista’ jiġri fil-futbol u nittamaw li nżommu l-bandiera Maltija fl-għoli,” kliem il-President ta’ Balzan Anton Tagliaferro. Hu tkellem dwar il-kamp ta’ taħriġ u l-partiti ta’ ħbiberija li kellhom u sostna li l-Kampjonat Premier hu sottovalutat. Hu jittama li jiksbu riżultat raġonevoli li jħallihom jittamaw għat-tieni leg.

Il-captain ta’ Balzan Steve Bezzina li se jtuhom ir-rispett mistħoqq iżda mhux se jaqtgħu qalbhom u jinsabu preparati biex ikollhom prestazzjoni tajba kontra avversarju li lagħbu kontrih f’partita ta’ ħbiberija sentejn ilu. Bezzina kompla li fil-pre-season tħarrġu b’mod tattiku iżda wkoll fiżiku minħabba li l-livell tal-avversarji fl-Ewropa dejjem ikun aktar għoli.

Mill-istaġun li għadda, Balzan akkwistaw lill-gowlkiper Kristijan Naumovski li l-istaġun li għadda lagħab ma’ Birkirkara, id-difensur Olandiż Augustine Loof u l-attakkant Stefan Dimic. Arthur Faria Machado ngħaqad ukoll ma’ Balzan wara li kien ħadem taħt it-tmexxija ta’ Jacques Scerri ma’ Ħamrun Spartans.

Il-logħba ta’ għada li tintlagħab fis-Centenary Stadium se tixxandar b’mod dirett fuq Net Television fis-6.30pm b’kummentarju ta’ Christian Micallef bil-kummenti tekniċi ta’ Konrad Sultana.