Futbol Sport

Preżentat il-proġett għal stadium f’Milan

Pass ieħor biex f’Milan jinbena stadium ġdid wara li Inter u Milan ippreżentaw lill-Komun ta’ Milan il-pjan biex jinbena impjant ġdid. L-istadium hu parti minn proġett li se jġib investiment ta’ €1.2 biljun f’Milan u fiż-żona ta’ San Siro.

Il-pjan hu li l-istadium il-ġdid ikun jesa’ 60,000 spettatur u jkun jinvolvi mhux biss l-isport iżda divertiment, ħwienet kummerċjali għar-residenti, partitarji u turisti tul is-sena kollha. F’dan l-istadju se jidħlu fl-azzjoni diversi arkitetti internazzjonali li jispeċjalizzaw fl-infrastruttura sportiva biex jagħtu valur il-proposta b’mod kollettiv.

Jekk il-Komun ta’ Milan jagħti l-permess tiegħu, ikun meħtieġ proġett definit sa tmiem din is-sena. Il-permessi meħtieġa jdumu madwar sena oħra u jekk kollox imur kif ippjanat ix-xogħlijiet jibdew fil-bidu tal-2021.

L-istadium preżenti ta’ San Siro hu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ stadiums fl-Ewropa. Fosthom intlagħbu logħbiet mit-Tazza tad-Dinja tal-1934 u l-1990 kif ukoll mill-Kampjonat Ewropew tal-1980. Dan minbarra finali tal-UEFA Champions League u diversi logħbiet indimentikabbli fl-istorja tal-klabbs ta’ Milan u Inter. L-istadium jesa madwar 80,000 spettatur u matul is-snin saru diversi xogħlijiet biex ikun modernizzat.

L-istadium infetaħ fl-1926, b’Milan ilhom jilagħbu fih minn dak iż-żmien filwaqt li Inter ilhom jilagħbu fih minn wara mill-1947. It-tim nazzjonali Taljan lagħab ukoll xi partiti internazzjonali f’San Siro u darba ntlagħbet logħba rugby bejn l-Italja u n-New Zealand. Dan minbarra li fl-aħħar 40 sena saru diversi kunċerti minn fost l-aqwa kantanti fid-dinja.