Gowl lejn it-tmiem ta’ William Troost-Ekong poġġa lin-Niġerja fis-semifinali tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani għas-spejjeż tal-Afrika ta’ Isfel b’rebħa ta’ 2-1. Fis-semifinali huma jilagħbu kontra l-Kosta tal-Avorju jew l-Alġerija.
Samuel Chukwueze fetaħ l-iskor fis-27 minuta meta kkontrolla l-kross ta’ Alex Iwobi u wara li kellu l-ewwel xutt blokkat mill-gowlkiper Ronwen Williams, Chukwueze skorja mat-tieni attentat f’dak li kien l-ewwel gowl tiegħu mat-tim nazzjonali. Bongani Zungu ġab id-draw fil-71 minuta b’daqqa ta’ ras li fil-bidu kien tħassar għal offside qabel il-VAR uriet li l-free-kick ħabat ma’ plejer Niġerjan qabel wasal għandu.
In-Niġerja skorjat il-gowl tar-rebħa fid-89 minuta bid-difensur ta’ Udinese William Troost-Ekong jiskorja f’lasta vojta mill-viċin wara li Williams ħareġ ħażin minn korner ta’ Moses Simon.
F’logħba oħra li ntlagħbet illum, is-Senegal għaddiet għas-semifinali wara li għelbet lill-Benin 1-0. B’din il-kwalifikazzjoni, huma jinsabu żewġ rebħiet bogħod milli jirbħu l-kompetizzjoni għall-ewwel darba u jistennew l-avversarju li se jkun ir-rebbieħ bejn il-Madagascar u t-Tuneżija.
Il-midfielder ta’ Everton Idrissa Gueye skorja l-gowl tar-rebħa fis-70 minuta meta ħabbat il-ballun mal-plejer ta’ Liverpool Sadio Mane qabel għeleb lil Saturnin Allagbe.
Mane kellu żewġ gowls imħassra għal offside wara konsultazzjoni mal-VAR, hekk kif it-teknoloġija ġiet introdotta mill-istadju tal-kwarti tal-finali. Il-Benin spiċċat il-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa Olivier Verdon fit-83 minuta wara li tkeċċa għal fawl fuq Gueye.
Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani
Kwarti tal-finali
Il-Ħamis:Senegal v Benin 1-0, Niġerja v Afrika ta’ Isfel 2-1
Illum:Kosta tal-Avorju v Alġerija 6.00pm, Madagascar v Tuneżija 9.00pm
//= $special ?>