Ambjent Lokali

Applikazzjoni biex ristorant jogħla b’5 metri rrifjutat

Żvilupp li kien se jsir max-xatt pubbliku tal-Bajja San Ġorġ

L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni biex ir-ristorant Paranga fil-Bajja San Ġorġ jtella’ 5 metri ta’ bini ‘l fuq mill-ixtajta pubblika.

L-arbli tad-dawl u l-puġġaman fi Triq Dragonara kienu se jitneħħew li kieku din it-talba biex tikber l-istruttura tar-ristorant ‘il fuq mit-triq intlaqgħet.

It-taqsima tal-infurzar tal-Awtorità waqfet ħesrem ix-xogħlijiet fuq il-proġett is-sena l-oħra u dina l-applikazzjoni ddaħħlet biex ix-xogħlijiet li saru jiġu approvati.

Filwaqt li l-Awtorità tal-Artijiet tat il-kunsens tagħha għax-xogħlijiet, id-direttorat tal-ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar irrikomandat li l-applikazzjoni tiġi rrifjutata minħabba “l-impatt viżwali inaċċettabli fuq il-veduti tal-baħar mit-triq pubblika u x-xtajta.”