F’partita mill-isbaħ u divertentis u li ngħatat b’mod esklussiv fuq NET TV, Balzan tilfu 3-4 kontra s-Sloveni ta’ NK Domzale. Balzan kienu tajbin ħafna fl-ewwel taqsima, imma ċedew l-armi aktar ma debda jgħaddi l-ħin u minkejja s-sħana fis-Centenary Stadium, l-avversarji ta’ Balzan deheru aktar ippreparati għal kundizzjoni terribbli.
Balzan bdew minn taħt u darbtejn kienu minn fuq qabel finalment ċedew għas-Sloveni f’partita mill-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League.
Sloveni fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni perikoluża tal-partita fir-raba’ minuta meta r-referee Russu Aleksei Matyunin iġġudika li Bosovic kien ġibed lil Vuk fil-kaxxa u pront saffar għal penalty, bil-captain Ibricic ma jfalliex.
Man-nofs siegħa logħob Balzan perikolużi: freekick ta’ Correa, mattar saqajh tajjeb mat-tieni lasta Ljubomirac imma t-tentattiv tiegħu tkaxkar barra n-naħa l-oħra.
Dan kien il-preludju tal-gowl għax erba’ minuti wara Balzan ippareġġaw. Effiong ħarab, għadda lejn Correa li evita l-avversarju dirett u minn tarf il-kaxxa spara fis-saqaf tax-xibka għal gowl mill-isbaħ.
Tliet minuti wara t-tim ta’ Jacques Scerri dawwru l-iskor. Effiong mill-ġdid l-arkitett bl-assist did-darba lil Ljubomirac li avvanza għall-kaxxa u b’xutt fil-baxx ma ta ebda ebda ċans lill-goalkeeper Sorcan li jsalva.
Domzale kellhom fejn jiskurjaw, imma Podlogar bir-ras minn taħt il-lasta xeħet għoli: u fil-ħin miżjud Bezzina mblokka fuq l-istess Podlogar, li kien żmarkat fil-kaxxa: biex Balzan daħlu jistrieħu 2-1 minn fuq.
Domzale iżda ħadu biss tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima biex ġabu d-draw. Kross mix-xellug u Vuk bla diffikulta’ bir-ras tefa’ ġewwa. Fit-52 minuta okkażjoni kbira għal Balzan meta Dimic approfitta minn clearance qasira tal-goalkeeper imma żmarkat dam jaħsibha, bil-konklużjoni tiegħu fjakka u Sorcan isalva.
Dimic patta tal-iżball tliet minuti biss wara meta bit-takkuna żmarka lil Effiong li minkejja li kien immarkat, xxuttja għar-rokna għat-3-2, bl-internazzjonali Malti jweġġa’, anke jekk irkupra mill-ewwel fl-azzjoni tal-gowl.
Il-goals baqgħu ġejjin: kienet għadha kif skorriet is-siegħa logħob meta nqalgħet taħwida taħt il-lasta ta’ Balzan: il-ballun finalment spiċċa f’saqajn Sikosek li għamel l-iskor 3-3.
Naumovski kien bravu meta ntefa’ minn tulu biex dawwar xutt ta’ Gnezda Cerin għal corner: imma Domzale skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa meta Podlogar daħal tajjeb għal kross mil-lemin u skorja bla problemi.
Is-Sloveni baqgħu jikkontrollaw sa l-aħħar meta wżaw il-pusses tal-ballun tajjem u issa nhar il-Ħamis jilgħabu t-tieni leg f’darhom. Balzan bdew b’din il-formazzjoni: Kristijan Naumovski, Aleksandar Kosoric, Nenad Slivic, Steve Pisani, Steve Bezzina (captain), Paul Fenech, Alfred Effiong (70′
Arthur Faria Machado) Uros Ljubomirac (81′
Andrija Majdevac ) Ivan Bozovic, Stefan Dimic, Ricardo Correa (86′
Lydon Micallef).