Hibernians se jimmiraw għal riżultat pożittiv fil-Belarus b’konfront kontra Shakhtyor Soligorsk. Għat-tim Malti dan se jkun ritorna fil-kompetizzjonijiet Ewropej wara nuqqas ta’ staġun. Din se tkun it-tieni darba li Hibernians se jaffrontaw avversarju mill-Belarus.
Fl-istaġun 1994/95, Hibernians kienu lagħbu kontra FC Dinamo Minsk u kienu eliminati b’aggregate ta’ 6-5 wara telfa ta’ 3-1 u rebħa ta’ 4-3 fil-ħin barrani. Shakhtyor Soligorsk ukoll kienu konsistenti fil-kampjonat tal-Belarus u fl-aħħar seba’ staġun spiċċaw ħames darbiet it-tieni u darbtejn fit-tielet post. Għalihom ukoll dan se jkun l-ewwel darba li se jilagħbu kontra avversarju Malti.
Mill-istaġun li għadda, Hibernians kellhom xi tibdil fl-iskwadra. Marcelo Dias, Isaac Ntow u Tiago Fonseca ħallew il-klabb biex ingħaqdu ma’ Senglea Athletic, Birkirkara u Floriana rispettivament. Taylon Marcolino u Marco Sahanek komplew il-karriera barra minn Malta.
Il-Pawlisti akkwistaw lill-gowlkiper Matthew Calleja Cremona, lid-difensur Ferdinando Apap, lill-plejer versatili Jens Wemmer u l-attakkanti Leonardo Nanni u Terence Groothusen.
//= $special ?>