“Il-familja Caruana Galizia u l-poplu Malti u Għawdxi bi dritt jinstennew li jsiru jafu l-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia” – Adrian Delia, Kap tal-PN
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li fl-aħħar il-Gvern sab ir-rieda sabiex jagħmel dak li jmissu għamel hekk kif inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u jistenna li jinħatar bord ta’ inkjesta li ma jkollu l-ebda tebgħa politika. B’hekk biss ikun qiegħed iseħħ dak li s-saltna tad-dritt titlob.
Dan saħqu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia hekk kif spjega li l-PN jinnota li l-Ministru Carmelo Abela wiegħed lil UK Foreign & Commonwealth Office li fit-terminu ta’ tliet xhur imposti fuq il-Gvern mill-Kunsill tal-Ewropa huwa kien sejjer iwaqqaf inkjesta pubblika sabiex tinvestiga jekk il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet ta’ pajjiżna kienux adegwati biex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia minn dak ir-riskju. Il-Gvern ilu xhur sħaħ ikaxkar saqajh biex jagħmel dak li titlob is-saltna tad-dritt, u biex ma jaqdix dmiru żeblaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.
Wara dan kollu il-Partit Nazzjonalista jistenna li din l-inkjesta pubblika ma tkunx waħda fazulla u għalhekk kull persuna maħtura fuq dan il-Bord għandu jkun indipendenti u imparzjali b’tali mod li m’għandu l-ebda tebgħa jew rabta politika jew xorta oħra fuqu. F’dan l-ispirtu l-ħatra tal-Bord għandha ssir mill-Parlament sħiħ u mhux mill-Prim Ministru Joseph Muscat waħdu, li wara kollox kellu jċedi biex jaħtar dan il-Bord kontra qalbu u wara pressjoni mill-Kunsill tal-Ewropa.
Fi stqarrija Adrian Delia sostna li l-Bord tal-Inkjesta għandu jingħata fost oħrajn ir-remit sabiex jiddetermina wkoll jekk il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia setgħetx tiġi evitata, jekk l-Istat qediex l-obbligu tiegħu li jieħu l-passi neċessarji in vista ta’ cirkostanzi li setgħu jindikawlu l-preġudizzju u l-periklu li Daphne Caruana Galizia kienet fih, u jistħarreġ ukoll jekk il-proċeduri u strutturi amministrattivi kienux suffiċjenti sabiex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista.
Finalment il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa b’hekk biss li l-Istat Malti jkun qiegħed jaqdi dmiru u jwettaq ġustizzja kemm mal-familja Caruana Galizia kif ukoll mal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>