Ambjent Lokali Parlament

Il-Gvern jinjora r-realtà tal-prezzijiet eżorbitanti

Koalizzjoni ta’ 20 għaqda attivi fil-qasam soċjali fi stqarrija qalu li l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kirjiet Residenzjali injora l-instabbiltà u l-prezzijiet eżorbitanti tal-kera. Minkejja li għalihom l-abbozz huwa l-ewwel pass ‘il quddiem, huma qalu li l-Abbozz jindirizza biss marġinalment il-predominanza ta’ kuntratti qosra li jwasslu għal instabbiltà mifruxa.

Dan meta ż-żieda mgħaġġla u kontinwa tal-prezzijiet tal-kera qed jitfgħu lil eluf ta’ persuni fil-prekarjat, bl-agħar milquta jkunu dawk fuq pagi u pensjonijiet baxxi u medji kif ukoll persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli bħal nisa li qed jesperjenzaw vjolenza domestika.

Bil-liġi proposta, l-inkwilin se jibqa’ mingħajr serħan il-moħħ hekk kif il-kuntratti ta’ kirjiet residenzjali se jkollhom minimu ta’ sena

Il-liġi se tirregola biss iż-żieda annwali fil-prezzijiet tal-kera fid-durata tal-kuntratt biss u għalhekk iż-żidiet bla limitu xorta se jibqgħu permessi wara l-iskadenza tal-kuntratt.

L-għaqdiet se jkunu qed jippreżentaw ir-reazzjonijiet u l-proposti tagħhom quddiem il-Kumitat Parlamentari li se jkun qed jiddiskuti dan l-Abbozz.