Lokali

Il-qtugħ tad-dawl ‘mhux problema ta’ barra minn hawn’ għal Joe Mizzi

Fl-aħħar jiem diversi lokalitajiet madwar Malta sofrew minn qtugħ tad-dawl li f’xi każi dam ukoll għal diversi sigħat.

Iżda minkejja li kienu ħafna dawk li lmentaw li fl-eqqel tas-sajf spiċċaw fi sħana tremenda, b’riskju wkoll għal persuni vulnerabbli bħall-anzjani, il-Ministru Joe Mizzi ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda “normali”.

Filwaqt li jiddikjara li l-qtugħ fid-dawl naqas drastikament, avolja għadu kif kellna jiem konsekuttivi bla dawl, jgħid li xejn mhu allarmanti.

Fl-istess waqt jammetti li l-infrastruttura relatata mal-provvista tad-dawl għandha bżonn investiment qawwi.

Imma fl-istess waqt li jiddikjara li l-Gvern qed jipprepara għas-snin li ġejjin… sitt snin wara li l-Gvern Laburista ħa l-poter… jammetti li l-infrastruttura tinsab fi stat ħażin.

Sadattant fl-aħħar jiem kienu diversi l-lokalitajiet li sofrew ukoll minn qtugħ tal-ilma, li f’xi każi ma kienx mistenni. Xoghlijiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta wasslu ukoll biex zoni shah qattgħu madwar 24 siegħa bla ilma.