Lokali

“Inħallsu l-prezz tan-nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern”

Il-konfużjoni se ddum, u se jieħu ż-żmien biex tgħaddi l-krizi li teżisti fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Dan intqal fl-editorjal tat-Times of Malta illi sostna li n-nies li jgħixu maġenb siti tal-kostruzzjoni għad iridu jaraw sa liema punt ir-regoli l-ġodda se jiġu segwiti u infurzati fil-prattika.

L-editorjal enfasizza fuq l-infurzar tar-regoli partikolarment minn mindu bdiet l-isplużjoni tal-bini, bl-editur jinsisti li ftit li xejn huwa sorprendenti li hemm ħafna xettiċiżmu dwar jekk l-infurzar hux se jkun b’saħħtu biżżejjed.

L-istess gazzetta tghid li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħass ir-rabja nazzjonali dejjem tikber wara sensiela ta’ inċidenti, u l-gvern fittex li jeħles mill-ħtija billi daħħal għadd ta’ regoli ġodda li jistabbilixxu linji ta’ responsabbiltajiet aktar ċari.

Iżda skont l-editorjal, il-Gvern bilkemm jinsab f’pożizzjoni li jiskolpa lilu nnifsu minn kriżi li kienet parzjalment mibdija minnu. Dan ghaliex ma kienx attent biżżejjed biex jippjana ‘l quddiem meta nfetħu l-bibien għall-ħruġ tal-permessi tal-bini.

L-editorjal tenna li fiż-żmien tas-sospensjoni temporanja tax-xogħolijiet, Muscat kien fid-difiza tal-Gvern, huwa kien hawn li għamel ammissjoni ta’ falliment – dan ghaliex ma jemminx fi pjan fit-tul.

L-editur jishaq illi periti li għamlu xogħol ħażin u, aktar u aktar, il-bennejja, ma jistgħux jaħarbu mill-htija għall-irregolaritajiet, iżda l-gvern u l-awtoritajiet tiegħu għandhom parti kbira mir-responsabbiltà. Ghalhekk, tghid it-Times, hemm il-ħtieġa għal azzjoni urġenti biex l-industrija terġa ssib saqajha u tkun ikkontrollata mill-aktar fis.