Ewropa Lokali

FILMAT: Wara xhur ikaxkar saqajh għal inkjesta pubblika, il-Gvern jispiċċa jbaxxi rasu għall-pressjoni

Muscat ħela sena u nofs jirreżisti din l-inkjesta dwar il-qtil ta' Caruana Galizia

Kellu jkun il-Ministru Carmelo Abela illi f’Londra ħabbar li l-Gvern, sa fl-aħħar, se jkun qed jordna inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-ħtieġa li ssir din l-inkjesta toħroġ mir-rapport iebes tal-Kunsill tal-Ewropa, għalkemm il-Prim Ministru Muscat xorta baqa’ jinsisti li jrid jieħu parir tal-Avukat Ġenerali.

Issa, kellu jkun Ministru tal-Gvern u mhux Muscat li jagħti din l-aħbar – aħbar li ħarġet minn konferenza f’Londra fejn tkellem Carmelo Abela, bit-tema tal-konferenza tkun il-Liberta’ tal-Media.

Minkejja dak li qal il-Ministru Abela, sa issa ma kien hemm l-ebda komunikat uffiċjali minn naħa ta’ Kastilja.

F’Ottubru li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia insista li għandha ssir inkjesta pubblika u indipendenti b’mod immedjat – xi ħaġa li Muscat baqa’ jinjora, sakemm waslet iċ-ċanfira iebsa u diretta minn naħa tal-Kunsill tal-Ewropa.