Lokali

Din L-Art Ħelwa topponi l-iżvilupp ta’ Pawlu Lia fil-qalba tal-Belt

Wara li iktar kmieni din il-ġimgħa, is-Sit LovinMalta żvela kif l-Avukat ta’ Joseph Muscat Pawlu Lia, irid jiżviluppa palazz fil-Belt Valletta bħala uffiċini, l-istess sit issa ħabbar li Din l-Art Ħelwa se topponi bis-saħħa dan il-proġett.

L-Avukat Pawlu Lia qed jipproponi li jiżviluppa palazzin li jmur lura għas-seklu 17 fi Triq l-Ifran fi blokk ta’ uffiċini ta’ erba’ sulari, b’effetti drastiċi fuq l-iskyline tal-belt kapitali Maltija, li hi wirt dinji kif klassifikat mill-Aġenzija UNESCO.

F’kummenti, il-President ta’ Din l-Art Ħelwa, il-Perit Alex Torpiano, qal li l-għaqda hi determinata li żżomm l-integrita’ tal-iskyline tal-Belt Valletta.

Hu qal li jinħoloq preċedent perikoluż jekk f’daqqa waħda niddeċiedu li l-iskyline m’għadux importanti u naqbdu u nżidu sulari bl-addoċċ fuq il-bini eżistenti.

Lovin Malta jirrapporta li diġa’ kien inħareġ permess is-sena li għaddiet sabiex jittella’ it-tielet sular u r-raba’ sular irtirat. Madanakollu, il-permess ma nħariġx minħabba li l-iżvilupp ma kienx konformi mal-istandards ta’ aċċessibilita’ tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’.

Issa, skont l-applikazzjoni l-ġdida, il-proġett propost hu ikbar, bir-raba’ sular ikun sħiħ u, skont sorsi li tkellmu mal-portal, hemm pjani biex saħansitra jittella’ l-ħames sular.

Minbarra li hu l-Avukat personali ta’ Joseph Muscat u l-Avukat tal-Partit Laburista għal ħafna snin, Pawlu Lia hu wkoll ir-rappreżentant maħtur mill-Gvern fuq il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li fost oħrajn tista’ tieħu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ Avukati, Maġistrati u Imħallfin.

Iktar kmieni din is-sena, mart iben Pawlu Lia, Nadine Lia, kienet konfermata bħala Maġistrat.