Sport Sport Ieħor

Federer fil-finali ta’ Wimbledon b’rebħa fuq Nadal f’logħba mill-isbaħ

(Ritratt: EPA)

Roger Federer kiseb tpattija sportiva meta għeleb lil Rafael Nadal 7-6, 1-6, 6-3, 6-4 f’dik li kienet l-ewwel darba li dawn it-tnejn iltaqgħu f’Wimbledon mill-2008 meta dakinhar, Nadal kien rebaħ is-semifinali.

Federer rebaħ il-ħames match point biex għandu ċans ieħor li jirbaħ il-21 Grand Slam fil-karriera u fl-istess ħin ċaħħad lil Nadal li jirbaħ id-19-il wieħed. L-Iżvizzeru hu l-aktar tennist maskili li rebaħ Wimbledon bi tmien suċċessi u jekk jirbaħ din is-sena jilħaq is-suċċess li kisbet Martina Navratilova fil-passat.

“Ninsab għajjien. Kienet iebsa u lejn it-tmiem Rafa lagħab konklużjonijiet inkredibbli biex baqa’ fil-logħba. Kelli partijiet fejn kelli service tajjeb u probabbilment l-ikbar punti marru n-naħa tiegħi. L-ewwel set kien importani biex ikolli l-vantaġġ u nipprova nipproteġi. Kien ta’ pjaċir li nilgħab.”

L-avversarju tiegħu fil-finali se jkun Novak Djokovic li għeleb lill-Ispanjol Roberto Bautista Agut 6-2, 4-6, 6-3, 6-2. Din ir-rebħa assigurat li se jkun hemm finali bejn tnejn mit-tlieta l-kbar. Din se tkun l-ewwel finali bejn it-tnejn mill-2015 minn meta s-Serb ta’ 32 sena kien għeleb lil Federer fl-All England Club.

Djokovic qed ifittex il-ħames titlu f’Wimbledon u wara l-logħba qal li dan it-tournament dejjem kienet il-ħolma tiegħu minn meta kien żgħir u għalhekk li jkun f’finali oħra hi ħolma li saret realtà.