Antoine Griezmann hu uffiċjalment plejer ta’ Barcelona wara li l-avukati tal-plejer daħlu fl-uffiċini tal-Federazzjoni Spanjola biex iħallsu l-klawsola ta’ €120 miljun u b’hekk inħall mill-kuntratt li kellu ma’ Atletico Madrid. Hu ffirma kuntratt ta’ ħames snin.
Għalkemm Barcelona ħabbru l-akkwist, Atletico Madrid ħarġu stqarrija biex jgħidu li mhux qed jaċċettaw dan it-trasferiment. Il-klawsola ta’ Griezmann oriġinarjament hi ta’ €200 miljun iżda minn wara l-1 ta’ Lulju din niżlet għal €120 miljun.
Atletico qed jargumentaw li peress li l-ftehim bejn Antoine Griezmann u Barcelona ntlaħaq qabel il-bidu ta’ Lulju allura s-somma għandha tkun ta’ €200 miljun. Għalhekk jidher li fetħu kawża biex fi kliemhom iħarsu
L-attakkant Franċiż skorja 133 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha ma’ Atletico Madrid u dan l-akkwist ikompli jsaħħaħ l-attakk tal-klabb li diġà għandu lil Luis Suarez, Lionel Messi, Ousmane Dembele u Coutinho.
Hu kien ingħaqad ma’ Atletico Madrid fl-2014 mingħand Real Sociedad u mat-tim immexxi minn Diego Simeone rebaħ is-Super Cup Spanjola, is-Super Cup Ewropea u l-Europa League. Fl-istaġun li għadda, Atletico Madrid temmew il-kampjonat fit-tieni post u kienu eliminati fl-aħħar 16 tal-UEFA Champions League.
Is-sajf li għadda Griezmann f’dokumentarju ta’ nofs siegħa fuq l-istazzjon Spanjol Movistar, kien żvela mal-partitarji li se jkompli ma’ Atletico Madrid wara interess simili minn Barcelona iżda f’Mejju li għadda kien tħabbar li Griezmann kien se jħalli l-klabb.
//= $special ?>