Futbol Sport

Jeżisti distakk bejn l-offerta ta’ Inter u t-talba ta’ Manchester United għal Lukaku

(Ritratt: EPA)

Rapporti fil-media Taljana rrappurtaw li Manchester United qed jitolbu €83 miljun ta’ Romelu Lukaku. Il-Ħamis id-Diriġent ta’ Inter Piero Ausilio ltaqa’ f’Londra mad-Direttur Sportiv ta’ Manchester United Matthew Judge biex jindika l-interess b’mod formali għall-attakkant Belġjan.

Inter jidher li kienu qed jittamaw li jonfqu madwar bejn €60 u €65 miljun iżda skont il-ġurnal Taljan Gazzetta dello Sport il-klabb Ingliż ma għalaqx il-possibbiltà li jkun hemm pagament mifrux fuq sentejn.

Il-klabb Taljan qed jaħseb għal offerta ta’ self u obbligu li jixtru l-plejer fl-istaġun ta’ wara. Jidher li huma għandhom l-ftehim ma’ Lukaku b’salarju ta’ €9 miljuni nkluż il-bonus u b’kuntratt ta’ ħames snin.

Intant il-plejer ta’ 26 sena jinsab jitħarreġ waħdu fit-tour ta’ Manchester United fl-Awstralja minħabba uġigħ fl-għaksa. Fatt interessanti hu li fl-20 ta’ Lulju Manchester United se jilagħbu proprju kontra Inter bħala parti mill-International Champions Cup f’Singapore.