Futbol Sport

Jirtira Peter Crouch fl-età ta’ 38 sena

(Ritratt: Stoke City)

L-attakkant Peter Coruch ħabbar li rtira mill-futbol milgħub fl-età ta’ 38 sena. Hu skorja 108 gowls fil-Premier League f’468 logħba ma’ seba’ klabbs differenti. Crouch jibqa’ magħruf għat-tul tiegħu u b’mod inevitabbli kien assoċjat ukoll mad-daqqiet ta’ ras li mhux darba jew tnejn issarrfu f’gowls, tant li hu l-aktar plejer fl-istorja tal-kampjonat Ingliż li skorja b’daqqiet ta’ ras.

Crouch tela’ mill-akkademja ta’ Tottenham iżda spikka ma’ Queens Park Rangers fiċ-Championship. Fil-karriera tiegħu lagħab ma’ Portsmouth, Aston Villa, Southampton u Liverpool qabel ingħaqad ma’ Tottenham. Hu kompla l-karriera ma’ Stoke qabel temm il-karriera ma’ Burnley.

Mat-tim nazzjonali Ingliż, Crouch skorja 22 gowl fi 42 logħba. Hu għamel id-debutt kontra l-Kolombja f’Mejju tal-2005 u lagħab fl-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 u l-2010.

F’kumment li kiteb fuq twitter, Crouch qal li kieku ta’ 17-il sena xi ħadd qallu li kien se jilgħab fit-Tazza tad-Dinja, jasal sal-finali tal-UEFA Champions League, jirbaħ l-FA Cup u jiskorja aktar minn 100 gowl fil-Premier League, kien jevitah u żied li kienet ħolma li assolutament saret realtà.