Internazzjonali

L-Iran jinsisti biex jingħata lura t-tanker maħtuf mir-Renju Unit

It-Tmexxija tal-Iran  insistiet mar-Renju Unit biex tingħata lura ‘immedjatament’ it-tanker taż-żejt li nħataf jiem ilu mill-morini Britanniċi, fuq suspett li dan it-tanker kien qed iwassal iż-żejt lejn is-Sirja bi ksur tas-sanzjonijiet imposti mill-Ewropa.

Il-kelliema għal Tehran qalu li ‘ir-Renju Unit qed jilgħab logħba perikoluża li għandha l-konsegwenzi’, filwaqt li insistew li ‘mhi valida l-ebda skuża legali għall-ħtif tat-tanker’. L-Iran, fl-istess ħin, qal li jkun fl-interess ta’ kulħadd jekk jingħata lura t-tanker, bl-isem Grace 1, iżda ma żammx lura milli jwissi dwar ‘miżuri reċiproċi’ f’każ li s-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi.

L-Iran anki qed jgħid li r-Renju Unit kellu jaħtaf it-tanker tiegħu ‘taħt pressjoni mill-Istati Uniti’ u wissa li ‘dawn il-miżuri illegali kapaċi jżidu t-tensjoni fil-Golf Persjan’.

L-istqarrijiet minn Tehran ħarġu sigħat wara li r-Renju Unit żvela li tliet dgħajjes militari tal-Iran kienu pruvaw jagħlqu r-rotta ta’ tanker ta’ sidien Britanniċi li kien għaddej mill-Baħar ta’ Hormuz – iz-zona ewlenija għat-trasport taż-żejt mil-Lvant Nofsani lejn id-dinja.

Ir-rapporti komplew li d-dgħajjes Iranjani  rtiraw malli waslet fuq il-post frejgata tar-Royal Navy Britanniku li kien qed isegwi l-iżviluppi.

L-Iranjani, intant, ċaħdu li d-dgħajjes kienu qegħdin ‘jheddu’ lit-tanker ‘British Heritage’ tal-kumpanija BP, waqt li dan kien qed javviċina l-fliegu bejn l-Iran u l-peniżola Għarbija.