It-trasferiment bejn Juventus u Ajax għal Matthijs de Ligt qed ikompli joqrob għal konklużjoni hekk kif id-difensur ma kienx imsejjaħ fl-iskwadra għal kamp ta’ taħriġ li għandhom Ajax. Fl-aħħar jiem reġa’ kien hemm kuntatt bejn il-partijiet konċernati u għalkemm għadha ma waslitx l-aħbar uffiċjali, l-offerta ta’ Juventus għandha tkun aċċettata.
Juventus ilhom li laħqu ftehim mal-plejer fuq bażi ta’ salarju ta’ €12-il miljun kull staġun b’kuntratt ta’ ħames snin inkluż il-bonus. L-aġent tal-plejer Mino Raiola ilu li żvela pubblikament l-intenzjoni li de Ligt ikompli l-karriera fl-Italja.
De Ligt sploda l-istaġun li għadda meta fl-età ta’ 19-il sena u captain kien kolonna fid-difiża ta’ Ajax u anki kiseb post regolari fil-qalba tad-difiża Olandiża. B’kollox hu lagħab 77 logħba fl-Eredivisie u skorja ħames gowls.
L-Olandiż lagħab ukoll 11-il logħba fiċ-Champions League u skorja darbtejn, bl-aħħar gowl jasal proprju fil-kwarti tal-finali tal-kompetizzjoni kontra Juventus li spiċċa biex elimina liċ-champions Taljani mill-kompetizzjoni.
Mat-tim nazzjonali de Ligt lagħab 15-il logħba u lagħab ukoll il-finali tal-UEFA Nations League. Sa issa hu rebaħ l-Eredivisie u t-Tazza Olandiża fl-istaġun li għadda.
//= $special ?>