Fid-19 ta’ Ġunju li għadda, il-Qorti tal-Appell ħassret il-permess maħruġ mill-Awtorita’ tal-Ippjanar għall-proġett kontroversjali fuq l-iżvilupp tas-sit fejn qabel kien hemm l-ITS bejn Pembroke u San Ġiljan.
Iżda jidher li r-rebħa tal-4,500 li oġġezzjonaw għall-proġett, inkluż numru ta’ NGO’s u tliet Kunsilli Lokali, kienet qasir il-għomor.
Fil-fatt ġimgħatejn eżatt wara din is-sentenza, il-Grupp DB, li qed jiżviluppa l-proġett, ressaq applikazzjoni ġdida quddiem l-Awtorita’ tal-Ippjanar biex jibda t-tħaffir fuq l-istess sit fejn se jsir l-iżvilupp magħruf bħala City Centre.
Is-sit tal-Awtorita’ tal-Ippjanar juri li l-applikazzjoni kienet reġistratat fit-3 ta’ Lulju u kienet ippubblikata iktar kmieni din il-ġimgħa.
Din l-applikazzjoni qed issir minkejja li l-permess finali tal-proġett għadu ma ġiex approvat. Jidher li din hija l-prassi fuq ċertu proġetti kbar sabiex isir it-tħaffir sakemm l-applikazzjoni tal-proġett innifsu tkun proċessata.
L-applikazzjoni qed titlob permess għat-tħaffir tal-art fejn kien il-kumpless tal-ITS u l-parkeġġ ta’ faċċata u l-preservazzjoni tal-bini li hu skedat fi Grad 2.
Il-proġett, stmat li jiswa’ €300 miljun, jinkludi lukanda ta’ 17-il sular u torri ta’ 37 sular b’appartamenti, offiċini u ċentru kummerċjali.
Minkejja li l-ewwel permess nħareġ f’Settembru tas-sena li għaddiet, l-appartamenti dehru għall-bejgħ fuq is-siti tal-aġenti tal-propjeta’ ferm qabel dan. Fosthom l-aġenzija Remax, fejn wieħed mis-sidien ta’ din l-aġenzija, Matthew Pace, hu wkoll membru fuq il-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u vvota favur il-permess għall-iżvilupp. (show pix)
Kien dan il-kunflitt ta’ interess ċar li wassal biex il-Qorti tal-Appell tirrevoka l-permess. Sadanittant, kważi xahar minn wara dik is-sentenza, u sejħiet mill-Prim Ministru u l-Ministru responsabbli mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, Matthew Pace għadu ma rriżenjax u sa issa għadu jidher bħala membru tal-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.
//= $special ?>