Għaxar persuni ttieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Sant Andrija f’Pembroke, direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-erbgħa filgħodu meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn erba’ karozzi.
Mill-għaxar persuni, żewġ tfajliet ġew identifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi, sewwieqa ta’ karozza minnhom, żagħżugħa ta’ 21 sena mis-Swieqi u żagħżugħa Taljana ta’ 16-il sena li toqgħod San Ġwann.
Ħames persuni oħra involuti qed isofru minn ġrieħi ħfief. Dawn huma sewwieq ta’ karozza minnhom, raġel ta’ 42 sena mill-Isla, is-sewwieq Taljan ta’ 33 sena ta’ karozza oħra, li joqgħod Raħal Ġdid, u żagħżugħa Taljana ta’ 17-il sena li kienet riekba miegħu u toqgħod il-Għargħur, kif ukoll is-sewwieqa ta’ 23 sena tal-karozza l-oħra, u żagħżugħ Taljan ta’ 16-il sena li joqgħod Birkirkara u li kien riekeb magħha.
Tliet żgħażagħ ma sofrewx ġrieħi u b’hekk diġà telqu mill-isptar. Dawn huma tfajla ta’ 17-il sena li toqgħod Buġibba, żagħżugħ ta’ 16-il sena u żagħżugħ ieħor Taljan ta’ 19-il sena li joqgħod il-Mosta.
It-triq għamlet xi ħin magħluqa għat-traffiku.
Il-pulizija qed tinvestiga dan l-inċident.
//= $special ?>