Internazzjonali

Attakk terroristiku fis-Somalja jħalli 26 mejta u 56 midruba

AFP

Inqatlu 26 ruħ u 56 sfaw midruba wara attakk terroristiku f’lukanda popolari fil-belt Kismayu fin-nofsinhar tas-Somalia.

Militanti tal-Al-Shabaab ħadu r-responsabbiltà tal-attakk karatterizzat minn diversi sparaturi u splużjonijiet li ħallew ħerba.

Rapporti fil-midja spjegaw kif wieħed mill-erba’ aggressuri sploda lilu innifsu wara li baqa’ dieħel fil-lukanda b’vettura mimlija splussivi. Il-lukanda hi waħda popolari fiż-żona.

Warajh daħlu l-aggressuri l-oħra bl-armi u komplew jisparaw fuq dawk li kienu għadhom ħajjin wara l-isplużjonijiet.

Fost il-vittmi li sfaw maqtula hemm attivist magħruf kif ukoll ġurnalist lokali.

Il-grupp militanti Al-Shabaab huwa affiljat mal-grupp terroristiku Al Qaeda u hu kkalkulat li huwa kompost minn bejn 5000 u 9000 ruħ li ilhom aktar minn għaxar snin jipprovaw jegħlbu l-Gvern Somali.