Internazzjonali

Facebook ser ikun qed jiġi mħarrek 5 biljun dollaru

Is-sit ‘Facebook’ mistenni jiġi mħarrek 5 biljun dollaru hekk kif il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ fl-Istati Uniti waslet biex ittemm l-investigazzjoni tagħha dwar l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica.

L-awtoritajiet kienu qed jinvestigaw allegazzjonijiet li fl-2014 Facebook ġabar informazzjoni ta’ 87 miljun persuna li imbagħad kien qed ibigħha lil Cambridge Analytica li hija kumpanija li toffri konsultazzjoni politika.

Il-multa hi dwar ksur ta’ ftehim li kien intlaħaq minn Facebook u li permezz tiegħu kien sar meħtieġ minnu li jindika b’mod ċar l-informazzjoni li qed tinġabar u għal liema raġuni ser tkun qed tintuża.

Ir-reazzjonijiet tan-nies għall-aħbar tal-multa kienu pjuttost konflinġenti, b’ħafna jsejħu din il-multa bħala ‘att ta’ ġustizzja’.

Iżda bosta għall-kuntrarju qed jargumentaw illi l-multa ta’ 5 biljun dollaru hija biss daħka fil-wiċċ meta wieħed iqabbilha mad-dħul illi għandu s-sit Facebook. Filfatt din il-pjattaforma tal-midja soċjali rreġistrat dħul ta’ 15-il biljun dollaru fl-ewwel tlett xhur biss tas-sena 2019.

Anke l-kumpanija Cambridge Analytica qed taffaċċja allegazzjonijiet illi użat l-informazzjoni li kienet inġabret sabiex tagħmel analiżi profonda tal-psikoloġija tal-votanti tal-Istati Uniti. Din l-analiżi allegatament imbagħad intużat biex tagħti vantaġġ politiku lil Donald Trump fil-kampanja presidenzjali tal-2016.

Cambridge Analytica ċaħdet l-allegazzjonijiet miġjuba kontriha