Lokali

Ħabs wara li neża’ fil-pubbliku u hedded lil diversi persuni waqt li fis-sakra

Libjan li kien fis-sakra meta neża’ l-qalziet f’ħanut tal-ikel f’Ħal Qormi ntbagħat sitt xhur ħabs hekk kif irrenda lilu nnifsu riċediv.

Ir-raġel, li għandu 26 sena, kien akkużat ukoll li offenda l-morali, qal kliem oxxen fil-pubbliku, li qeda l-bżonnijiet tiegħu fit-triq kif ukoll li hedded lil diversi persuni.

Il-każ seħħ f’ħanut tal-kebab meta Mohamed Rajab Ali Asagheer daħal u ppretenda li jtuh x’jiekol b’xejn. Meta l-impjegati waqfulu, u xi klijenti oħra rrifjutaw ukoll li jsellfulu l-mobile, qabad joffendihom u jeddidhom.

Fil-Qorti ħareġ li r-raġel, li ġie f’pajjiżna erba’ snin ilu, għandu problema ta’ xorb u lanqas għandu post fejn joqgħod. Waqt li kkundannah il-ħabs u tah multa ta’ €150, il-Maġistrat Ian Farrugia ordna wkoll li jingħata t-trattament biex jegħleb il-vizzju.