Lokali

“Il-Munxarin kontra l-bini tad-demmiela” – is-Sindku tal-Munxar

“Riedna nsostnu l-pożizzjoni tagħna u kif ukoll nieħu l-passi kollha meħtieġa biex l-interess tal-Munxar ikun imħares”. Dan kien kliem is-Sindku tal-Munxar dwar id-Demmiela fejn fost l-oħrajn qal li fl-aħħar xhur inġabru mijiet ta’ firem f’petizzjoni u kif ukoll intbagħtu numru ta’ oġġezzjonijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar kontra dan l-iżvilupp.

“Il-Munxarin huma kontra d-demmiela, aħna se nibqgħu bil-pożizzjoni favur il-Munxar u favur ir-resident” – Damien Spiteri, Sindku tal-Munxar

Spiteri qal magħna li l-Ħamis 4 ta’ Lulju saret l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Munxar bl-amministrazzjoni ġdida, issa taħt maġġoranza Nazzjonalista, u din ħadet  pożizzjoni ċara u b’saħħitha favur ir-residenti.

Huwa qal magħna li t-tali proġett jwassal għall-qerda tat-trankwillità tar-raħal u l-kwalitajiet tal-ħajja tar-residenti.

Is-Sindku Nazzjonalista qalilna lil-Kunsill Lokali rrijafferma l-pożizzjoni tiegħu kontra l-bini ta’ demmiela fil-Munxar u ddikjara li se jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jissalvagwardja l-interessi tar-residenti u tal-lokalità.

Infatti s-Sindku u l-Kunsilliera Lokali qed jappellaw lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jieħdu inkonsiderazzjoni l-mijiet ta’ oġġezzjonjiet, li uffiċjalment ressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Għamluha ċara wkoll li huma se jinsistu li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex l-applikazzjoni tiġi rrifjutata.

Chris Said, il-kelliem għal Għawdex għall-Partit Nazzjonalista qal li jekk dan l-impjant isir kif ippjanat fil-Munxar, dan se jħalli impatt negattiv kemm fuq is-saħħa tan-nies, fuq il-lokalità u l-komunità tal-futur. Dan apparti ammont sostanzjali ta’ vetturi li jġorru dan il-ħmieġ, li se jgħaddu miċ-ċentru tal-lokalità u jħallu l-irwejjaħ, b’żieda fil-problema tat-traffiku u b’detriment għar-residenti.