Lokali

“Irridu naraw li art li hija pubblika ma tibqax tingħata bix-xejn”

“Irridu naraw li art li hija pubblika ma tibqax tinghata bix-xejn.”

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Dr Delia kien qed jitkellem dwar il-każ tal-Fortina, wara li l-Oppożizzjoni qed toġġezzjona għal numru ta’ kundizzjonijiet ġodda fil-kuntratt ġdid li l-Gvern qed jippjana dwar il-Fortina. Huwa qal li dan huwa każ ieħor fejn il-Gvern iżomm kollox mistur sal-aħħar. Dr. Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ topponi dan il-proġett u se tara jekk hux se jintuża ghall-ispekulazzjoni flok għal skop ta’ turiżmu.

Il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni vvutat favur il-Liġi tal-Protezzjoni tal-Minuri iżda l-Gvern baqa’ jwebbes rasu u ma nkludiex il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf fil-liġi. Dan wara li l-Oppożizzjoni kienet insistiet li l-protezzjoni tiġi estiża wkoll għat-tarbija fil-ġuf billi fid-definizzjoni ta’ minuri tiġi nkluża t-tarbija fil-ġuf. Il-Gvern iżda baqa’ ma’ laqax din il-proposta tal-Oppożizzjoni wara li kien diġà vvota kontriha fil-Kumitat, u rrifjuta wkoll li jżomm klawsoli li kienu jitolbu li ċirkostanzi fejn it-tarbija fil-ġuf tkun fil-periklu jiġu rrappurtati.

Huwa qal li l-PN se jibqa’ impenjat li jmexxi ‘il quddiem politika li tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf. Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni vvutat favur ir-riforma proposta fis-suq tal-kera fl-istadju tat-tieni qari, iżda bil-kundizzjoni li jitressqu emendi u l-liġi tiġi skrutinizzata fil-Kumitat. Huwa qal li s-sitwazzjoni tal-kirjiet bħalissa hija pjaga soċjali li qed jgħaddu minnha n-nies u li l-liġi tal-kera kif inhi mhi se ssewwi xejn mis-sitwazzjoni li ħoloq il-Gvern stess. 

Adrian Delia qal li l-Maltin u l-Għawdxin u l-familja Caruana Galizia għadhom qed jistennew li toħroġ il-verità kollha dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan wara li l-Gvern ilu x-xhur ikaxkar saqajh u kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna quddiem il-Kunsill tal-Ewropa. Adrian Delia qal li dan il-bord tal-inkjesta għandu jinħatar mill-Parlament u mhux mill-Prim Ministru u għandu jkollu l-mandat li jiddetermina jekk l-assassinju setgħax ġie evitat. L-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni fil-Parlament sabiex jiġi stabbilit jekk dan il-qtil setgħax ġie evitat. 

Adrian Delia qal li l-Gvern iddeċieda fuq inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia wara l-pressjoni li saritlu mir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, li kien approvat fil-ġranet li għaddew. Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa kien irrimarka fuq is-sens ta’ impunità li hawn f’pajjiżna dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, li wasslet ukoll għall-kundanna ta’ bosta rapporti oħra Ewropej u Internazzjonali fosthom tal-Kummissjoni Venezja, l-Kummissjoni Ewropea u l-GRECO.