‘Ir-ritmu tax-xogħol f’dawn il-100 jum ma waqafx.’
Dan kien kliem il-President ta’ Malta George Vella, fil-messaġġ qasir li ta fl-okkażjoni tal-100 jum tal-Presidenza tiegħu.
George Vella tkellem dwar il-vjaġġ Presidenzjali tiegħu sa issa fejn iddeskriva dak kollu li ltaqa’ miegħu u faħħar il-ħidma ta’ bosta għaqdiet mhux governattivi kif ukoll esprima ringrazzjament lejn il-forzi tal-ordni li l-kontribut tagħhom kien imprezzabbli.
Fost oħrajn indirizza l-kwistjoni tal-immigrazzjoni, fejn qal illi Malta qed tisħaq fuq il-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni.
Żied jgħid ukoll illi dan se jibqa’ fuq l-aġenda nazzjonali minħabba l-fatt li r-realtà hija li l-gwerer u l-faqar għadhom u se jibqgħu jisfurzaw lil eluf ta’ nies ifittxu ħajja aħjar barra minn xtuthom.
U għalhekk saħaq illi jeħtieġ li titqajjem aktar kuxjenza dwar l-integrazzjoni u l-aċċettazzjoni fil-konfront ta’ kulturi, reliġjonijiet u razez differenti.
Il-President ħataf ukoll l-opportunità biex jitkellem dwar l-importanza tal-inklużjoni fis-soċjetà, soċjetà li għandha tkun bla timbri u preġudizzji, iżda li hija bbażata fuq valuri ta’ tolleranza u inklużjoni.
Waqt li ħares ‘il quddiem lejn is-snin li ġejjin, wiegħed ħidma li bi ħsiebu jagħmel fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, fosthom fl-ambitu tar-riforma kostituzzjonali, fil-fora internazzjonali kif ukoll fl-aspett ta’ filantropija permezz tal-Malta Community Chest Fund Foundation.
//= $special ?>