Lokali

Louis Galea intervistat fuq il-Mument

"B'rieda u intenzjonijiet ġenwini nistgħu negħlbu kull diffikultà"

“Irridu niġu flimkien u mhux nibqgħu riġidi fil-pożizzjonijiet rispettivi. Hu biss jekk ningħaqdu u ninbidlu li l-Partit Nazzjonalista għandu futur mill-isbaħ li fih jerġa’ jkun rebbieħ.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha Louis Galea, eks Ministru, eks Segretarju Ġenerali tal-Partit fi żminijiet mill-aktar diffiċli, u bniedem li għal għexieren ta’ snin immilita bis-sħiħ fil-Partit Nazzjonalista.

Dan f’intervista li saret mill-gazzetta Il-Mument għall-ħarġa ta’ għada l-Ħadd wara l-ħatra tiegħu fit-tmun ta’ ħidma li għandha twassal biex ikunu identifikati u mwettqa r-riformi meħtieġa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Louis Galea qal li diġà medd għonqu għax-xogħol u, fost l-oħrajn, iltaqa’ mad-Deputati Nazzjonalisti.

“Issa qed infasslu skeda biex niltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minnhom. Dawn għandhom post speċjali għaliex huma eletti fil-Parlament mill-firxa wiesgħa tal-poplu u mhux sempliċiment mit-tesserati. Fis-sitwazzjoni tal-Partit bħalissa għandhom ukoll responsabbiltà speċjali. Minnhom se jiddependi ħafna x’soluzzjonijiet nistgħu nsibu.”

Hu ħabbar ukoll li kellu sensiela ta’ laqgħat mal-Membri tal-Kumitati u tal-Fergħat. L-attendenza kienet sodisfaċenti. “Hu ċar li dawn huma s-sisien tal-organizzazzjoni tal-Partit u mill-ġdid irridu nagħtuhom valur u nimmodernizzawhom għal-livell tas-soċjetà tal-lum. Kelli feedback tajjeb. Uħud diġà bagħtuli bil-miktub proposti konkreti. Iżda għadu kmieni wisq biex ngħidu kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni.”

Fl-intervista, l-eks Segretarju Ġenerali jitkellem dwar ir-riforma politika meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista u li trid tindirizza il-ħsieb, l-istruttura, l-organizazzjoni, il-kommunikazzjoni u t-tmexxija.

Fil-ħarġa tal-Ħadd hu se jkun qiegħed jittratta l-isfidi li qed jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista f’dawn iż-żminijiet u jispjega b’liema mod se jkun qiegħed jittratahom.