Edukazzjoni Lokali

Nuqqas ta’ arja kkundizzjonata fl-iskejjel

“L-għalliema u l-istudenti mhux stmati u rispettati mill-Gvern” - l-MUT

“Kull binja tal-Gvern hija mgħammra b’sistemi tissaħħan fix-xitwa, arja kkundizzjonata għas-sajf u ventilazzjoni, iżda l-iskejjel tħallew għal rieħhom mingħajr dawn il-faċilitajiet.”

“Dan juri kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti li jaħdmu kemm f’temperaturi sħan u jew fil-kesħa tax-xitwa la huma stmati u wisq anqas rispettati mill-awtoritajiet.”

Kien dan l-appell imqanqal li għamlet il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, lill-Gvern fi stqarrija … appell li għamlitu diversi drabi oħra iżda dejjem waqa’ fuq widnejn torox.

Dan hekk kif il-Gvern naqas ripetutament milli jagħmel dan l-investiment tant meħtieġ f’ ħafna mill-iskejjel fejn la tinżamm s-sħana fil-binja fix-xitwa u wisq aktar il-frisk fis-sajf. Dan peress li ħafna mill-binjiet antiki għandhom aperturi tal-injam jew il-ħadid li ma joffrux insulazzjoni tajba.

Qed tinħoloq ukoll diskriminazzjoni bejn l-istudenti u l-għalliema li jkunu fi klassijiet fil-parti l-antika tal-iskola mingħajr l-arja kundizzjonata, u dawk li jkunu f’partijiet ġodda ta’ skejjel li jkunu ġew estiżi.

.L-MUT saħqet li n-nuqqas ta’ uniformità f’dan is-sens, ġieli fl-istess binja ta’ skola, saħansitra twassal lil xi ġenituri jagħżlu skola minn oħra.

Nuqqas ieħor tal-Gvern f’dan ir-rigward hu n-nuqqas kbir ta’ aċċess għall-ilma frisk tax-xorb permezz ta’ water fountains u mhux minn tal-vit. Il-Unjin tal-Għalliema kienet iebsa fil-konfront tal-Gvern f’dan ir-rigward għaliex mill-ġdid tgħid li qiegħed ikun diskriminatorju meta l-binjiet tal-Gvern kollha għandhom dan l-aċċess.

L-istqarrija temmet tgħid li dan jixhed kif il-prijoritajiet tal-Gvern mhumiex tajba għaliex l-investiment f’affarijiet bażiċi kemm għall-għalliema u l-istudenti huwa nieqes sew.