Lokali

Raġel jaħli ċ-ċans li tatu l-Qorti u jeħel il-ħabs fuq traffikar tad-droga

Raġel ħela l-opportunità li kienet tatu l-Qorti fl-2016 hekk kif irrenda ruħu riċediv u issa ngħata sentenza ta’ tliet snin u nofs ħabs b’rabta ma’ traffikar tad-droga.

Oriġinarjament Jean Pierre Mamo kien tressaq il-Qorti u flimkien ma’ persuna oħra kien instab ħati li seraq b’valur ta’ iktar minn €2,300 f’pajpijiet u wajers tar-ramm mill-power station l-antika f’Kordin u minn sit tal-kostruzzjoni f’Ta’ Xbiex.

Dakinhar hu ngħata sentenza ta’ sena u nofs priġunerija li madankollu wara l-appell fl-2016 kienet ġiet mibdula f’perjodu ta’ probation ta’ tliet snin wara li kkonvinċa lill-Qorti li bidel ħajtu u talab li jingħata kura psikoloġika.

Iżda, tliet snin wara, is-Sibt Mamo reġa’ tressaq il-Qorti, din id-darba fuq akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga kokaina u kannabis, pussess aggravat tal-istess droga u li kiser l-ordni ta’ probation.

Mamo kien ġie arrestat f’Jannar tas-sena li għaddiet f’appartament f’Marsalforn fejn il-Pulizija sabet iktar minn 42 droga kannabis u iktar minn 10 grammi kokaina.

Id-droga nstabet f’kamra msakkra li għaliha kien hu biss li kellu aċċess. Instabu wkoll oġġetti relatati mal-pussess u traffikar tad-droga kif ukoll messaġġi li jinkriminawh.

Fil-Qorti ħareġ li Mamo ma kkoperax mal-Pulizija u ma kixifx lil min kien qed itih id-droga, bil-Maġistrat Joe Mifsud jikkundannah għall-fatt li kien qed iwassal għall-qerda ta’ ħajjet in-nies mirkuba mill-vizzju.

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti kkundannatu għal tliet snin u nofs ħabs, multa ta’ elf ewro u madwar €4,300 oħra fi spejjeż tal-Qorti.