Residenti, Kunsilli Lokali u NGOs fi stqarrija konġunta kkundannaw dak li sejħu bħala attentat sabiex l-applikazzjoni tal-ITS tiġi maqsuma biċċiet f’mossa li jiggidkjaraw li hi biss biex tiġi evitata evalwazzjoni ħolistika ta’ dan il-proġett.
L-applikazzjoni ġdida qed titlob permess għat-tħaffir tal-art fejn kien il-kumpless tal-ITS u l-parkeġġ ta’ faċċata u l-preservazzjoni tal-bini li hu skedat fi Grad 2.
L-istqarrija tgħid li l-proġett kif emendat xorta waħda se jkollu impatti negattivi permanenti fuq kull aspett tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu fl-akkwati tal-binjiet sproporzjonati u massivi li qiegħdin jiġu proposti, u ta’ dawk li jgħixu u jaħdmu fl-irħula u l-postijiet tal-madwar.
Jinnotaw li l-applikazzjoni għal tħaffir ta’ skala kbira ġiet proċessata fi żmien ġimgħa, mingħajr ebda indikazzjoni dwar x’se jsir mill-iskart tat-tħaffir.
It-tħaffir propost tas-sit jestendi wkoll taħt il-Bini Skedat ta’ Grad 2 u l-bunker minn żmien il-Gwerra Bierda, filwaqt li l-proposta tindika li dawn il-binjiet suppost jiġu “miżmuma.”
Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsilli Lokali u NGOs jiddikjaraw li huwa kompletament inaċċettabbli li din it-talba qiegħda tiġi proposta f’iżolazzjoni mill-bqija tal-iżvilupp kolossali.
Dan waqt li jenfasizzaw li t-tħaffir ta’ dak li kien is-sit tal-ITS kien parti mill-permess tad-db Group li ġie kkanċellat mill-qorti u li f’dan l-istadju, l-applikazzjoni separata li ġiet ippreżentata għat-tħaffir ċarament tindika disprezz lejn id-deċiżjoni tal-qorti u hija mezz qarrieqi li l-iżviluppaturi qiegħdin jużaw biex jaħarbu minn din id-deċiżjoni. Jisħqu li mhux loġiku li titlob permess għal tħaffir li jagħmel parti minn proġett li għalih m’hemmx permess.
Filfatt huma juru tħassib li din l-applikazzjoni tista’ tfisser biss żewġ affarijiet: li l-approvazzjoni tal-proġett sħiħ hija deċiżjoni mittieħda diġa, indikazzjoni ċara li s-sistema tal-ippjanar hija biss farsa, jew inkella li hemm riskju li t-tħaffir isir mingħajr ma l-proġett ikun eventwalment approvat u li titħalla toqba enormi f’sit irvinat għal kollox.
L-istqarrija ġiet ippubblikata mill-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi kif ukoll mill-Archaeological Society of Malta, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u Ramblers Association.
//= $special ?>