Lokali

Sidien ta’ ħwienet u self employed jistennew aktar bejgħ – PN

Minkejja li l-Gvern jgħid li żdied in-numru tat-turisti u minkejja li suppost  fil-pajjiż hawn aktar xogħol, bosta huma s-sidien ta’ ħwienet li qed jistennew aktar saħħa ta’  nfiq ta’ flus minn dawk li jidħlu fl-istabbilimenti tagħhom biex jixtru. 

Fi stqarrija maħruġa minn Edwin Vassallo, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji Żgħar, l-Ko-operattivi, l-Biedja u s-Sajd intqal li minkejja dak li jgħid il-Gvern fir-rigward kemm sejjer tajjeb it-turiżmu, bosta huma s-sidien ta’ ħwienet li huma armati biex ibiegħu l-iżjed lit-turisti, li qegħdin jilmentaw li f’dawn iz-żminijiet qed  jistennew aktar xogħol, li jkollhom aktar bejgħ u li t-turisti li qed jiġu f’pajjiżna  jonfqu  aktar.

Filwaqt li l-Gvern qed jagħmel minn kollox sabiex jagħti l-impressjoni li hawn n-negozju,  min qiegħed fin-negozju tar-retail qed jistenna aktar bejgħ, qed jistenna aktar saħħa ta’ nfiq u fil-fatt ir-realtà hija li ħafna negozji qed jaraw li l-bejgħ tagħhom naqas jew mhux jaraw żieda meta dawn qed jistennew żieda ta’ bejgħ. L-aktar fatt li qed ikun innutat mis-sidien tal-ħwienet huwa li llum il-klijenti tagħhom m’għadhomx komdi jonfqu kemm huwa mistenni. 

Il-Partit Nazzjonalista  qed josserva x’qed jiġri fis-suq u qed jitkellem ma’ diversi  negozji biex jibqa’ qrib dawk kollha li qegħdin jaħdmu f’dan is-settur. Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat biex jara li l-qasam tal-kummerċ ikun aktar b’saħħtu u li dawk kollha li huma sidien ta’ ħwienet ikollhom suq aktar b’saħħtu milli hawn illum.