Is-sena 2019 hija waħda speċjali għas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl hekk kif wieħed minn uliedha Għawdxin, Monsinjur Giovanni Cefai, inħatar Isqof tal-prelatura ta’ San Ġakbu Appostlu fil-Huancanè, fil-Perù.
Hu għalhekk li l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona “Oħloq Tbissima” fi tmiem il-ġimgħa li ġejja għandha l-għan fost l-oħrajn li tgħin sotanzjament lil dan l-Isqof Żebbuġi f’ħidmietu f’din il-prelatura distanti ħafna minn fejn is-soltu taħdem is-Soċjetà fil-Perù.
Dwar dan tkellimna mas-Superjur Reġjonali f’Malta, Dun Louis Mallia:
“Ix-xogħol qed jibda hemmhekk iġifieri hemm ħafna bżonnijiet. Ix-xewqa tagħna hija li mmorru aħjar mis-soltu biex lill-Monsinjur Cefai ntuh l-għajnuna biex din l-inizijattiva f’din il-komunità ġdida jagħmilha ħafna aħjar, b’mod aktar effettiv u immedjat. Allura se jkollna diversi features li se juru l-post, il-Monsinjur u l-proġetti li jixtieq jagħmel f’dan il-lokal li qatt ma konna fih.”
Il-Maratona ta’ 60 siegħa ta’ xandir f’ Dar San Ġużepp, Santa Venera għandha l-għan ukoll li tgħin il-missjonijiet tas-Soċjetà li xxandar il-kelma t’Alla u twettaq proġetti li jagħtu dinjità lill-għixien tan-nies kemm f’Malta kif ukoll dawk l-aktar vulnerabbli fil-Pakistan u l-Filippini:
“Il-Filippini ngħinu ħafna żgħażagħ li s-soltu jkunu fit-triq. Intuhom il-kultura, l-edukazzjoni u l-valuri. Qed jinġabru anki biex ħolqu orkestra bejniethom. Qed nitkellmu fuq 100 żagħżugħ u żagħżugħa minn eta ta’ 8 snin u jibqgħu tielgħin. X’ħin tarahom idoqqu, meravilja ta’ orkestra li ma timmaġinax li dawn is-soltu jiġru fit-triq, illum idoqqu vjolin, kuntrabaxx jew kurunetta fost l-oħrajn. L-inizjattiva qed tgħin ħafna biex żgħażagħ li s-soltu jkunu fit-tarf qed ikunu fiċ-ċentru tal-komunità, edukati u jitgħallmu biex ikollhom futur aħjar.”
Abbinat ma’ dan ukoll, din is-sena, it-telespettaturi se jinnutaw arranġament ġdid tas-sigla Oħloq Tbissima.
L-arranġament sar minn Dun Karm Debattista u Dun Pierre Bonnici u orkestrata minn Maestro Aurelio Belli biex ġiet irrekkordjata professjonalemnt mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
Dun Louis Mallia ħeġġeġ lill-Maltin biex jingħaqdu magħhom ġewwa Dar San Ġużepp għal 60 siegħa ta’ spettaklu, diskussjonijiet, features u ma jonqosx ukoll l-ikel u xorb.
Il-ftuħ tal-Maratona ssir nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju li ġej f’12pm b’xandira kontinwa li tintemm il-Ħadd 21 ta’ Lulju f’12am.
//= $special ?>