Grazzi għall-Ministru Carmelo Abela kważi dejjem imsiefer, u grazzi għall-fatt li hemm diversi kurrenti fl-istess Ministeru tal-Affarijiet Barranin Maltin, is-sitwazzjoni attwali hi dominata minn abbandun fil-politika barranija, apatija u telqa, u safar bl-addoċċ.
Sorsi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li fil-jiem li għaddew tkellmu b’kunfidenzjalità ma’ il-mument qalulna li ma kienx faċli għalihom li jitkellmu magħna minħabba li kemm-il darba jsir magħruf li huma avviċinawna, allura żgur li jispiċċaw ikkastigati.
“Iżda s-sitwazzjoni qed taggrava minn jum għall-ieħor u għalhekk għamilna l-kuraġġ li nitkellmu miegħek,” qalilna ħaddiem veteran fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ li beda biex fisser li fl-aħħar xhur kien hemm apatija kbira u abbandun fil-politika barranija ta’ Malta. Kienet diġà niżlet ħażin li l-Ministru ma jidhirx fl-opinjoni pubblika.
Is-sorsi ta’ il-mument komplew li iżda issa hemm rassenjazzjoni totali għaliex kollox qiegħed jiġi dettat minn Kastilja jew mill-Berġa d’Aragona.
“Hawnhekk aħna nosservaw u nistaqsu kif kollox għaddej minn fuq il-Ministeru u ħadd ma hu jieħu ħsieb iqiegħed il-linja politika tal-Ministeru. Il-kumment li smajna kien li: “sirna irrilevanti”.
Dan l-għarfien kompla jikber tul il-ġimgħat li għaddew b’pajjiżna li hu bil-fatti kompletament assenti minn dak li qiegħed jiġri fil-Libja. Il-Libja hu pajjiż li aħna dejjem konna viċin tiegħu u li assistejna f’ħafna sitwazzjonijiet.
“Ma għadniex punt ta’ riferenza u nafu x’inhuwa sewwa sew jiġri.
“Dejqet ħafna li l-Ministru abbanduna għalkollox dan is-settur u laqtet il-widnejn li kellhom ikunu l-ewwel il-President tar-Repubblika u wara l-Oppożizzjoni bil-kelliem Carmelo Mifsud Bonnici li tkellmu fuq l-importanza tas-suġġett.
“Dejqet ferm iktar l-ewwel li kien hemm delegazzjoni mmexxija mill-Ambaxxatur il-ġdid għal-Libja Charles Saliba li marret tiltaqa’ mingħajr ma kien infurmat il-Ministru u t-tieni li kien hemm fi ħdanha Neville Gafà li ġie mkeċċi mill-Ministru Chris Fearne u mill-istess Ministru Carmelo Abela imma li l-Prim Ministru “skopra” li hu parti minn Kastilja,” qalulna s-sorsi tagħna fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Ħafna fil-Ministeru qed jiddejqu b’dan għax diġà hemm id-dell ta’ dak li seħħ gewwa fil-Konsolat ta’ pajjiżna fl-Alġerija, fejn rapport tal-Awditur ġ Ġenerali skopra li kien hemm allegazzjonijiet dwar atti ta’ korruzzjoni kbira. Il-kumment li smajna kien li issa jonqos li jkollna xi ħaġa oħra ġewwa l-Libja.
Mhux biss imma l-abbandun qiegħed jinħass ferm iktar f’Ministru li hu l-ħin kollu msiefer u tilef il-kontroll tal-Ministeru tiegħu.
Skont dawk li tkellmu ma’ il-mument jirriżulta li tul is-sena li għaddiet hu siefer madwar sebgħin darba u din is-sena jidher li beħsiebu jikser dan ir-rekord u jsiefer ferm iktar.
Dan bi spiża dejjem iktar qawwija f’pajjiżi iktar imbiegħda li qed jieklu mill-baġit tal-Ministeru li mhuwiex anqas kapaċi jlesti l-proġetti kapitali li għandu għaddejjin, jew li jkollu l-ambaxxaturi tiegħu jaħdmu f’ambjenti deċenti bi staff tajjeb magħhom.
Fl-assenza tiegħu fil-Ministeru, għaddejjin kunflitti interni kbar. Hemm fil-beraħ Diretturi li qed jisfidaw lis-Segretarja Permanenti.
Hemm manuvri interni kbar fuq min imur f’ambaxxata u mhux f’oħra. Fejn jirbaħ min hu ta’ waħda jew ta’ oħra.
Hemm politika interna li minnha tiddependi l-karriera ta’ dak u tal-iehor mingħajr ma tittieħed inkonsiderazzjoni l-esperjenza li hemm akkumulata.
Mhux biss dan, imma l-iktar gravi hu li l-Ministru qiegħed jagħmel ħiltu biex jaħbi hu l-fatt li ħafna diplomatiċi ta’ esperjenza telqu mill-Ministeru biex marru post ieħor.
Hemm lista tajba ta’ nies li m’hemmx sostituti għall-esperjenza twila tagħhom. Il-Ministeru tilef ħafna nies validi u qisu ma ġara xejn. Ma hemmx ċaqliq u anqas xi forma ta’ preparazzjoni.
L-aħħar aħbar li kienet imfissra lilna bħala “bomba”, kienet li ċċaqalqet ukoll l-Ambaxxatriċi Helga Mizzi minn Pariġi għall-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika. Telfa oħra li tindika fil-beraħ dak li għaddej bħalissa.
Iktar minn hekk hemm il-kwistjoni li qed tweġġa’ lil ħafna diplomatiċi tal-karriera. L-għażla ta’ ambaxxaturi minn barra s-servizz għal skopijiet varji qiegħda issa turi ruħha fl-inabbilità li wieħed ikollu linja ta’ ħidma, viżjoni tajba u dan qiegħed iktar joħroġ barra fl-inabbiltà ta’ wħud li jippreżentaw rapport sewwa u fil-ħin tal-ħidma li saret minn ambaxxata. L-ambaxxati mhumiex ikkurati biżżejjed u s-sitwazzjoni qiegħda taggrava sforz ta’ dawn in-nuqqasijiet.
Apprezzajna ferm li dawk li tkellmu, għamlu dan b’kawtela kbira u kienu verament inkwetati biex resqsu lejna dawn l-affarijiet forsi jibdew jiġu indirizzati u jerġgħu lura f’posthom.
//= $special ?>