“Hemm ħafna xogħol x’isir. Imma l-ewwel irridu niġu flimkien u mhux nibqgħu riġidi fil-pożizzjonijiet rispettivi.
“Edward Debono jagħti eżempju ċar. Nies jistgħu jidħlu ġo djalogu b’ideat fissi daqs statwa tal-irħam. Alla ħares tmissilhom għax jaħsbu li se tipprova tkissirilhom.
“Hemm oħrajn li jidħlu għal djalogu b’ideat bħal ballun tafal, imma fi djalogu ma’ ħaddiehor joħolqu skultura mill-isbaħ.
Jien nixtieq li kulħadd ikun bħat-tieni grupp ta’ nies.
“Hu biss jekk ningħaqdu u ninbidlu li l-Partit Nazzjonalista għandu futur mill-isbaħ li fih jerġa’ jkun rebbieħ.”
Din id-dikjarazzjoni qawwija għamilha Louis Galea, eks Ministru, eks Segretarju Ġenerali tal-Partit fi żminijiet mill-aktar diffiċli, u bniedem li għal għexieren ta’ snin immilita bis-sħiħ fil-Partit Nazzjonalista, waqt intervista li għamiltlu f’dawn il-jiem b’rabta mal-ħatra tiegħu fit-tmun ta’ ħidma li għandha twassal biex ikunu identifikati u mwettqa r-riformi meħtieġa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Louis Galea qal li diġà medd għonqu għax-xogħol u, fost l-oħrajn, iltaqa’ mad-Deputati Nazzjonalisti. “Issa qed infasslu skeda biex niltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minnhom. Dawn għandhom post speċjali għaliex huma eletti fil-Parlament mill-firxa wiesgħa tal-poplu u mhux sempliċiment mit-tesserati. Fis-sitwazzjoni tal-Partit bħalissa għandhom ukoll responsabbiltà speċjali. Minnhom se jiddependi ħafna x’soluzzjonijiet nistgħu nsibu.”
Hu ħabbar ukoll li mbagħad kellu sensiela ta’ laqgħat mal-Membri tal-Kumitati u tal-Fergħat. L-attendenza kienet sodisfaċenti. “Hu ċar li dawn huma s-sisien tal-organizzazzjoni tal-Partit u mill-ġdid irridu nagħtuhom valur u nimmodernizzawhom għal-livell tas-soċjetà tal-lum. Kelli feedback tajjeb. Uħud diġà bagħtuli bil-miktub proposti konkreti. Iżda għadu kmieni wisq biex ngħidu kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni.”
It-test sħiħ tal-intervista ma’ Louis Galea hu:
Tini x-ray tas-sitwazzjoni attwali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li se tkun qed taqbad minn qrunha minn issa ‘l quddiem.
Il-Partit Nazzjonalista hu korp politiku b’potenzjal kbir li jwettaq il-ġid, iżda b’sintomi ta’ mard li qed jherrih bil-mod il-mod.
Partit bi storja mill-isbaħ, minkejja id-difetti u l-iżbalji.
Partit li ttrasforma lil Malta u l-Maltin, b’ġid kbir għall-familji kollha, speċjalment il-ħaddiema, in-nisa, iż-żgħażagħ u l-familji tagħhom.
Iżda llum Partit fi kriżi.
In parti minħabba li tlifna r-rankatura tat-tiġdid biex inżommu l-pass mal-iżviluppi fis-soċjetà.
In parti minħabba l-attitudni ta’ diversi minna llum u fil-passat.
In parti minħabba l-firdiet li nibtu fostna, inkluż bil-kwistjonijiet dwar it-tmexxija tal-Partit.
Fil-kriżi hemm ukoll rifless tad-difetti serji li għandna fis-sistema politiku Malti.
Partit Nazzjonalista dgħajjef f’sitwazzjoni nazzjonali kritika.
Inħobb inkun dirett… x’inhuma l-problemi attwali li għandu l-Partit Nazzjonalista quddiemu?
Internament, in-nuqqas ta’ koeżjoni u l-ħila li naħdmu għalenija fid-diversità tal-ideat li kull wieħed jista’ jħaddan.
In parti din qed tiġi kkawżata mill-kontroversja u mill-kontestazzjoni dwar it-tmexxija tal-Partit.
Esternament, il-Partit qed jaffaċċja s-soċjetà l-ġdida tas-Seklu 21, Partit Laburista li taħt il-pressjoni tas-suċċessi ta’ gvernijiet Nazzjonalisti kellu jinbidel radikalment, u sistema ġdida ta’ poter li qed tikkorrompi s-soċjetà b’konsegwenzi għad-demnokrazija.
Fejn finalment trid tasal fi tmiem l-indaġni u l-operat tiegħek? X’eżiti se tkun qed tfittex?
Il-pajjiż għandu bżonn Partit Nazzjonalista imġedded fil-ħsieb, fil-politika u fl-operat tiegħu, bi tmexxija li għandha l-kunsens u l-kooperazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli biex tkun tista’ tispira fiduċja u kredibbiltà.
Inħoss li fil-Partit f’kull livell għandna bżonn kalma, raġuni u rispett li jgħinuna nersqu madwar mejda biex insibu is-soluzzjonijiet.
Inħoss il-bżonn li naħdmu flimkien fil-Partit u mas-soċjetà biex nagħtu lil Malta partit imġedded kapaċi li jagħti direzzjoni lill-poplu tagħna f’dan is-seklu ġdid u mimli taqlib.
Fi ftit kliem x’inhuma l-isfidi ewlenin li qed tantiċipa li jkollok tħabbat wiċċek magħhom f’din il-ħidma?
L-akbar sfida hi r-rieda tajba; ir-rieda li nifhmu r-realtà politika interna fil-Partit u fil-pajjiż.
Bir-rieda tajba niddjalogaw; malli niddjalogaw nibdew nifhmu lil xulxin u nwarrbu d-diskors u l-atteġġjamenti li jweġġgħu u jifirdu.
Bir-rieda tajba nsibu t-triq. Mingħajrha nibqgħu sejrin il-baħar. Il-kwestjoni tat-tmexxija hi kwestjoni serja. Imma mhix l-unika sfida li qed naffaċċjaw.
Fis-sitwazzjoni attwali l-Partit jidher li se jkun diffiċli għalih li jappella għall-elettorat. X’inhuma r-reazzjonijiet tiegħek?
Partit mifrud ma jista’ qatt jasal biex jappella għall-elettorat, speċjalment elettorat Malti u Għawdxi.
Fl-istorja nsibu diversi eżempji ta’ istituzzjonijiet li twieldu, kibru, daħlu għal missjoni, wettquha, għadda żmienhom, ġie l-għabex u spiċċaw.
Kien hawn pajjiżi, imperi, reġimi, negozji li wara li wettqu l-funzjoni tagħhom tbielu u mietu.
Partit mhux eċċezzjoni… inħarsu lejn l-Italja, Franza, pajjiżi Skandinavi, l-Indja, u pajjiżi oħra.
S’issa għandna Partit Nazzjonalista fi kriżi imma forza politika li għadha kredibbli… kredibbli fis-sens tal-appoġġ li għadu jiġbed mill-massa tal-poplu.
Apparti l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista hemm imbagħad frammenti żgħar ta’ movimenti politiċi ta’ ħsebijiet differenti li fuq firxa ta’ ħamsin sena ma rnexxielhomx jikbru biżżejjed biex jissostitwixxu forza politika bħal dik li sal-lum insibuha fil-Partit Nazzjonalista.
Dan ifisser li mill-2013 żviluppat sitwazzjoni f’Malta fejn hemm Gvern ultra b’saħħtu u issa m’hawnx bilanċ politiku – kontro-piż – li jserraħ moħħ il-poplu li jista’ jżomm il-Gvern b’mod sħiħ fil-limiti li suppost ikunu salvagwardati f’pajjiż demokratiku u liberu mill-Kostituzzjoni, liġijiet, drittijiet fondamentali, sistema ta’ governanza tajba, trasparenza u kontabbilità.
L-istorja tatina ħafna eżempji ta’ gvernijiet li telgħu b’vot popolari u demokratiku u spiċċaw baqgħu fil-poter. M’hinix qed ngħid li hekk se jiġri f’Malta.
Il-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu t-terminu tiegħu. Hekk kif il-Partit Nazzjonalista idgħajjef, daqstant ieħor jista’ jirkupra saħħtu u l-kredibbiltà meħtieġa.
Il-biċċa xogħol tiegħi hi li ngħin lill-Partit u s-soċjetà in ġenerali ikunu konxji ta’ dan ix-xenarju.
Jiġifieri se tgħin biex il-Partit Nazzjonalista jiġġedded… x’fidi għandek li tista’ tasal?
Mhix kwestjoni ta’ fidi. Ejja nagħmluha ċara – ix-xogħol biex il-Partit Nazzjonalista joħroġ mill-kriżi hu xogħol ta’ kull ċittadin ta’ rieda tajba, ta’ kull partitarju u tesserat, ta’ kull Deputat, ta’ kull membru ta’ kumitat, fergħa jew organu tal-Partit.
Biex naslu kull wieħed u waħda jrid inissel fih ir-rieda ġenwina li jrid jasal.
Jien nista’ biss nimbotta bil-persważjoni u flimkien ma’ kull min hu involut infasslu proposti konkreti ta’ azzjoni. Jiġux aċċettati jew le ma jiddependix minni iżda minn kull min hu involut fi kwalunkwe livell ta’ tmexxija, sa mil-livell tal-Kumitati Sezzjonali, għal dak tal-fergħat sal-livell tal-ogħla organi tal-Partit.
Is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista hi gravi, kritika, komplessa. Hemm naħa u hemm oħra. Nemmen li l-biċċa l-kbira tas-segwaċi huma ħerqanin li noħorġu mis-sqaq mudlam li qiegħdin fih.
Jien m’għandi l-ebda riċetta maġika ta’ fejqan. Nerġa’ ntenni li kull wieħed u kull waħda, hu min hu, hi min hi, fuq kull naħa, jeħtieġ jieqfu u jieħdu pass lura, nikkalmaw, naħsbu, nirriflettu. Is-sitwazzjoni mhix sempliċi… hemm bżonn proċess ta’ fejqan li fiċ-ċirkustanzi attwali bilfors jieħu ċertu żmien.
Irridu nibdew mill-għeruq, minn fost il-poplu – tisma’ u tfiehem bil-paċenzja, tgħaqqad bir-rispett u bl-imħabba, tifhem int… u tfittex it-truf ta’ din il-kobba mħabbla.
Flimkien, b’rieda u intenzjonijiet ġenwini, nistgħu negħlbu kull diffikoltà.
X’qed tifhem b’riforma politika?
Jien inħoss li l-marda, il-kriżi, ma hix biss fil-Partit Nazzjonalista. Il-kriżi hi fis-sistema politiku Malti kollu kemm hu.
Il-kriżi hi fil-mod sħiħ ta’ kif nagħmlu l-politika, jiġifieri, fil-mod sħiħ ta’ kif nużaw il-poter biex suppost inservu l-poplu, fl-istituzzjonijiet nazzjonali, fis-sistema tax-xandir u l-kommunikazzjoni, fil-lingwaġġ u l-kultura politika li nħaddnu u nħaddmu.
Fil-Partit Nazzjonalista l-kriżi issa ħarġet fil-beraħ u tidher. Fil-pajjiż il-kriżi għadha immaskjata, moħbija taħt il-wiċċ – il-poplu jinsab aljenat wisq biex jagħti kas il-kanċer li qed jinvadi s-sistema.
Ħalli nagħmilha ċara. Din mhix xi ħaġa li bdiet wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 meta Joseph Muscat mexxa lill-Partit Laburista għar-rebħa tiegħu… sfortunatament hemmhekk nibtu elementi ġodda, mikrobi oħra, li taw spinta lill-kriżi politika kif nifhimha jien.
Inħoss li minħabba diversi fatturi, inkluż il-fattur tal-immodernizzar li wettaq il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, il-fattur ta’ kif ħakmitna ir-rivoluzzjoni elettronika tal-kompjuter, l-internet u l-medja soċjali, il-fattur ta’ kif ftaħna pajjiżna għal kull tip ta’ skambju mal-Ewropa u mad-dinja, is-soċjetà evolviet b’mod mill-aktar mgħaġġel b’mod li ma tingħarafx minn dak ta’ sempliċi għoxrin sena ilu.
L-isfortuna hi li matul iż-żminijiet m’għarafniex niżviluppaw il-mudell, is-sistema politiku bl-iskop li dan, filwaqt li jiggarantixxi l-aqwa libertà, demokrazija, ġid ekonomiku, żvilupp u għażliet personali, xibka soċjali għal kull min ikollu bżonn, ambjent kulturali li jgħanik, fl-istess ħin jiggarantixxi wkoll sens ta’ ġustizzja, ugwaljanza, fairness u fuq kollox kultura li l-ġid komuni huwa tassew ġid tal-aqwa valur, anke prattiku u f’termini ta’ flus, għalina u wisq aktar għal uliedna, il-ġenerazzjonijiet futuri ta’ nisa u rġiel.
Nemmen li ma nistgħux nitkellmu fuq riforma politika tal-Partit Nazzjonalista jekk ma nitkellmux daqstant ieħor u bl-istess urġenza fuq riforma politika nazzjonali.
Inħoss li fil-pajjiż hawn babiljona ta’ diskors fuq il-politika, speċjalment dik partiġġjana, imma ftit li xejn diskors politiku veru u ta’ valur … riflessjoni, analiżi, riċerka, tagħlim, eżempji, gwida.
Kulħadd irid jgħid u jifhem kollox, anke fl-aktar affarijiet kumplessi, kif jaqbillu, fi ftit sekondi, f’iqsar żmien milli tagħmel kikkra kafè.
Nemmen li għandna bżonn nintroduċu lingwaġġ politiku differenti, kommunikazzjoni politika differenti, li tonfoħ arja ġdida u friska fil-politika Maltija u Għawdxija, li taqlagħna mill-voraġni tal-aljenazzjoni u tgħinna nirrestawraw il-fakultajiet tar-raġuni, l-intelliġenza, il-qies, il-bon sens; il-kapaċità li nagħrfu l-verità, li nagħmlu t-tajjeb, li nibnu s-sbuħija fi spirtu ta’ rispett u djalogu bejnietna.
Ma taħsibx li int idealist wisq?
Anzi jiddispjaċini li m’hinix idealist biżżejjed… u li m’hawnx eluf kbar ta’ idealisti Maltin u Għawdxin.
M’hemm xejn ħażin li tkun idealist. Ħażin jekk tibqa’ fl-arja u ma tmiddx idejk għax-xogħol. Filwaqt li se nibqa’ idealist, għaliex minn hemm nislet it-tama u l-kuraġġ biex nibqa’ nemmen u nissielet, ser naħdem, inxammar u immidd idejja biex ninżel fit-trunċieri mal-Kumitati, Fergħat, Kunsullieri, Kandidati, Deputati, u tmexxija.
Irridu naħdmu ma’ Maltin u Għawdxin ta’ kull fehma u twemmin, ta’ kull tip ta’ xogħol u professjoni, biex flimkien nimbarkaw fuq proġett ta’ servizz fejjieda għas-soċjetà kollha kemm hi..
Kun onest… l-implimentazzjoni tar-rakkommandazzjonijiet li eventwalment għad tagħmel, x’tantiċipa li tkun il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista versu l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss?
Jekk flimkien inwettqu r-riforma u nibnu l-Partit mill-ġdid u l-Partit jerġa’ jibda jkun stmat, apprezzat, isir kredibbli u l-poplu jerġa’ jibda jixtarr sew id-direzzjoni li jagħti dwar id-diversi kwestjonijiet u żviluppi li jolqtu l-ħajja tal-poplu tagħna.
Għandek sena żmien biex tagħmel dan ir-rapport/rakkomandazzjonijiet… jibqa’ biss sena għall-Elezzjoni Ġenerali?
Ġimgħa fil-politika hi twila ħafna, jgħidu, aħseb u ara sena. Naraw.
Jiddependi mir-rieda tajba ta’ kulħadd. Inutli nitkellmu fuq elezzjonijiet jekk l-ewwel ma npoġġux darna fl-ordni.
Kemm hu importanti l-fattur tal-għaqda mill-ġdid fil-Partit? Temmen li l-partijiet kollha jistgħu jerġgħu jersqu viċin xulxin u ġenwinament jaħdmu ma’ xulxin?
Għall-poplu Partit magħqud madwar viżjoni, strateġija, tmexxija u programm hi kundizzjoni essenzjali. Il-poplu mhux se jafda Partit mifrud. Hemm soluzzjoni għal kollox… bir-rieda tajba, l-għaqal u l-għaqda.
Bħalissa s-sitwazzjoni hi dominata mill-kwestjoni tat-tmexxija u tal-Kap tal-Partit. Jien nemmen li kwestjoni bħal din ikun aħjar wieħed jitrattaha f’kuntest aktar wiesgħa ta’ riforma u tiġdid tal-Partit.
Naf li hemm min jaqbilx u jirraġuna li l-ewwel irid jittratta din il-kwestjoni Minn kif nifhem is-sitwazzjoni jien ħsibt li ma nidħolx f’din il-kwestjoni li qed tqanqal kontroversji, firda u emozzjonijiet li qed jagħmlu aktar ħsara milli ġid, sew fuq naħa kif ukoll fuq oħra.
M’għandhix dubju li kull naħa għandha l-istorja u r-raġunament tagħha. F’dan l-istadju jien m’hinix se niġġudika u nidħol fil-merti tal-kwestjoni, mhux għax m’hemmx merti x’tikkonsidra.
Imma nemmen li biex il-kontribut tiegħi forsi jagħti frott irrid naħdem b’mod indipendenti, imparzjali u b’fairness ma’ kulħadd. F’dan l-istadju noqgħod lura milli nieħu pożizzjoni pubblika fuq il-kwestjoni.
Fi kwalunkwe każ issa ssejjaħ il-Kunsill Ġenerali u fi ftit ġranet din il-materja se tkun trattata hemmhekk.
Nemmen li jiġri x’jiġri, il-ħidma li bdejna dwar ir-riforma tibqa’ valida u urġenti.
Fl-ewwel ġimgħa tal-ħidma tiegħek ma’ min iltqajt u x’inhuma l-ewwel indikazzjonijiet?
L-ewwel kuntatt tiegħi kien mad-Deputati Nazzjonalisti. Issa qed infasslu skeda biex niltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minnhom. Dawn għandhom post speċjali għaliex huma eletti fil-Parlament mill-firxa wiesgħa tal-poplu u mhux sempliċiment mit-tesserati. Fis-sitwazzjoni tal-Partit bħalissa għandhom ukoll responsabbiltà speċjali. Minnhom se jiddependi ħafna x’soluzzjonijiet nistgħu nsibu.
Imbagħad kelli sensiela ta’ laqgħat mal-Membri tal-Kumitati u tal-Fergħat. L-attendenza kienet sodisfaċenti. Hu ċar li dawn huma s-sisien tal-organizazzjoni tal-Partit u mill-ġdid irridu nagħtuhom valur u nimmodernizzawhom għall-livell tas-soċjetà tal-lum. Kelli feedback tajjeb. Uħud diġà bagħtuli bil-miktub proposti konkreti. Iżda għadu kmieni wisq biex ngħidu kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni.
X’messaġġ għandek għal min mhux lest li jiġbed ħabel wieħed f’dan il-proċess tant delikat u daqtant importanti?
Inkomplu niddjalogaw sakemm insibu is-soluzzjoni. Rieda tajba u moħħ miftuħ. Minn kull naħa. Minn kull wieħed u waħda.
Xi programm fassalt matul din il-ġimgħa għall-ħidma tiegħek matul it-tnax-il xahar li ġejjin?
Ħidma, konsultazzjoni u riċerka biex:
- inġeddu l-ħsieb u l-politika tal-Partit;
- biex nagħrfu min aħna u xi rwol naqblu li għandna inwettqu fis-soċjetà tal-lum;
- insaħħu s-sisien tal-istruttura u l-organizzazzjoni tal-Partit;
- u, nirrilonċjaw b’kommunikazzjoni effettiva u b’finanzi meħtieġa.
Nenfasizza dan mhux il-programm tiegħi, imma il-programm ta’ kull min jemmen li hemm bżonn dan il-kontribut fil-Partit u fil-pajjiż.
Ma’ min se tkun qed tiltaqa’? X’se tfittex f’dawn il-laqgħat?
Se nkun qed niltaqa’ ma’ kulħadd u ma’ kull min hemm bżonn, fil-Partit u fil-pajjiż. Se nfittex it-tarf tar-rieda tajba u r-raġuni ċara u oġġettiva.
Se tkun qed tagħmel użu minn persuni fil-Partit u minn barra l-Partit fl-operat li se tkun qed tiġġestixxi fil-ġimgħat li ġejjin?
Iva. Kull min iħobb il-pajjiż għandu kontribut validu x’jagħti. Hemm eluf kbar ta’ Nazzjonalisti li investew ħajjithom b’sagrifiċċji fil-bini u t-tkabbir ta’ Partit li tant għamel ġid fl-istorja tiegħu u li jridu jgħaddu dan il-wirt għani lil uliedhom għall-ġid komuni. Jien kelli x-xorti naħdem ma’ ħafna kandidati, Deputati u membri, nisa u rġiel, ta’ Kumitati f’kull belt u raħal, f’Malta u Għawdex. Dawn għandhom kontribut mill-aktar validu x’jagħtu.
Għalkemm għandek esperjenza vasta fil-Partit, qatt ma ħdimt f’Partit f’sitwazzjoni fejn kulħadd għandu aċċess għall-media soċjali – internet, Facebook, mobiles u Ipads. Kif qed tolqtok din is-sitwazzjoni?
Mank fi żmieni kellna l-għodda ta’ kommunikazzjoni li hawn illum. Fi żmieni għal telefon cordless bla liċenzja r-reġim Laburista ta’ dak iż-żmien kien jarrestak.
Biex iġġib kompjuter kont trid tiddikjara li mhux se ttellef l-ebda impieg.
Ix-xandir tal-Istat kien f’idejn il-Gvern u l-Partit Laburista u Richard Muscat safa’ eżiljat għal snin meta xandarna minn Sqallija. Kieku kellna l-għodda tal-lum konna naħdmu ħafna aħjar u konna nagħmlu ħafna ġid.
Iżda, bħal kollox, l-għodda tista’ tużaha biex tagħmel il-ġid jew biex tagħmel il-ħsara; biex tfejjaq jew toqtol.
B’dispjaċir kbir naraw kif ħafna li jgħidu li huma Nazzjonalisti qed jużaw is-social media u jagħmlu ħsara. Nifhem li hemm diversi jagħmlu dan mingħajr ma jafu li qed jagħmlu l-ħsara. Imma issa suppost kulħadd qed jinduna li kull kelma żejda qed tiżra’ l-firda, il-velenu, tweġġa’, toqtol it-tama u x-xewqa għall-għaqda fid-diversità.
Issa filwaqt li diversi fuq inizjattiva tagħhom jikkumentaw fuq blogs u fuq mezzi soċjali biex ġenwinament jesprimu ruħhom, hemm oħrajn, fuq kull naħa, li m’huma xejn għajr puppazzi bl-ispag jinġibed minn wara l-kwinti.
Lil tal-ewwel ngħidilhom: qisu kliemkom sew; il-kelma li toħroġ mis-sinna timla d-dinja.
Imma lill-oħrajn u lil kull min hemm warajhom nappellalhom biex jieqfu u jżarmaw il-gruppi li waqqfu. Ma nimpressjona ruħi xejn nara dawn il-gruppi jaħdmu taħt l-arma tal-Partit jew taħt wiċċ dan jew dak. Dawn bħal Fariżej iħabbtu fuq sidirhom li huma Nazzjonalisti imma fil-fatt ikunu qed jherru l-Partit u jpaxxu l-avversarji li bħall-isqra il-ħin kollu jħufu biex jattakkaw kull djugħufija li jilmħu.
Ma’ dawn kollha iridu niddjalogaw biex jinkanalaw l-enerġija tagħhom ħalli jsir il-ġid u mhux il-ħsara. Jekk id-djalogu ma jwassalx allura nipproponi li nieħdu passi konkreti.
L-arma tal-Partit mhix qiegħda hemm biex tiġi abbużata. Din hi proprjetà, brand logo, tal-Partit u ma jistax jiġi min irid u jagħmel il-ħsara taħt il-bandiera tagħna.
Id-dritt tal-espressjoni hu fundamentali għal kulħadd u dan hu garantit. Iżda mhux garantit li tagħmel il-ħsara fil-Partit u titħalla tappartjeni jew taħdem fih.
L-għażla f’idejn kull individwu.
Imma ma taħsibx li jekk tissolva l-kwestjoni tat-tmexxija, dan kollu jieqaf?
Hemm diversi modi kif wieħed iħares lejn din il-kwestjoni. Hemm diversi modi kif wieħed jittrattaha. F’dan l-istadju mhux se nidħol fiha.
Inġabru l-firem f’żewġ petizzjonijiet, dawk li ma jaqblux mal-Kap Adrian Delia u dawk li jaqblu. Issa ssejjaħ Kunsill Ġenerali biex dan il-punt jkun deċż hemm.
Jien qatt ma nnaqqas l-importanza li mexxej għandu – f’pajjiż, f’Partit, fi Knisja, f’kull organizazzjoni. M’hemmx dubju li dan għandu impatt kbir fuq l-immaġni u l-kredibbiltà.
Imma meta jkollok kriżi, bħal dik li qed naffaċċjaw fil-Partit Nazzjonalista, x’aktarx tkun trid mhux tħares biss lejn il-kwestjoni tat-tmexxija u tagħlaq għajnejk għall-bqija. Bil-maqlub it-tmexxija tista’ ttejjibha u tevolviha jekk twessa’ l-kuntest tal-ħsieb dwar is-sitwazzjoni.
Irridu nistqaqsu jekk għandniex il-kunċett żbaljat ta’ leader. Jien nemmen li fi grupp tassew effettiv ma jkunx hemm leader wieħed, imma kull membru hu leader u b’hekk il-grupp ikollu suċċessi kbar.
L-iżball tagħna hu li l-leader inpoġġuh fuq pedestall, kif nagħmlu bil-qaddisin fl-irħula, noħolqu kult u npoġġu urna mimlija inċens u noqogħdu ninċensawh.
Organizazzjonijiet li jirnexxu jkollhom leader imma hi l-ħidma flimkien u sinkronizzata b’armonija li tikseb is-suċċessi. Dan jagħmluh b’taħriġ u ħidma bla ħafna paroli u b’dixxiplina posittiva.
Aħna rridu nidentifikaw mal-Partit l-ewwel u mhux mal-leader. L-ewwel u qabel kollox aħna ‘nazzjonalisti’. Nidentifikaw meta nifhmu dan xi jfisser u kif irridu naġġornaw is-sustanza.
Ma nistgħux nibnu l-ġdid fuq in-nostalġija tal-passat. U lanqas nistgħu nibnu pjattaforma komuni li magħha nidentifikaw bil-metodu li bih bnew it-Torri ta’ Babilonja.
Irridu nixxiftjaw il-mind set tagħna, b’ideat ċari u innovattivi. Ir-realtà madwarna hi mimlija taħsir imma ukoll opportunitajiet. Ma nistgħux noqogħdu nibku xortina.
Jekk nagħrfu naħsbu naslu biex nittrasformaw il-Partit imbagħad anke l-pajjiż. Jekk niqbgħu bil-kultura tal-ħsieb li għadna illum il-futur ikun jixbah ir-realtà tal-lum hekk kif l-iżbalji tal-lum huma frott il-ħsieb kollettiv tal-bieraħ.
Jekk irridu realtà isbaħ, aħjar, għal uliedna irridu nevolvu l-ħsieb u l-lingwaġġ għax dawn huma l-għeruq ta’ kull azzjoni. Irridu nagħmlu Partit li mhux jgħereq fir-realtà tal-lum imma jogħla ‘l fuq minnha u jipproġetta alternattiva realistika li se jaffaċċjaw uliedna u ulied uliedna.
Il-kwestjoni tal-leader hi kwestjoni. Imma mhix kollox. Għandna bżonn anqas tgemgim u aktar ħsieb u azzjoni.
Bla dubju ta’ xejn li l-ħatra tiegħek f’dan ir-rwol hi vot ta’ fiduċja fik. Madankollu dħalt għal responsabbiltà kbira. X’inhi l-analiżi tiegħek?
Jien m’għandi bżonn l-ebda fiduċja. Hu l-Partit li jrid jikseb lura l-fiduċja.
Jien ma jien xejn għajr qaddej dgħajjef li se jipprova jagħmel dmiru. Importanti nenfasizza li filwaqt li jien għandi l-ideat tiegħi, l-ewwel u qabel kollox se nfittex l-ideat tan-nies tal-Partit u ta’ dawk li għandhom għal qalbhom l-interess veru tal-pajjiż, hi x’inhi l-fehma politika tagħhom.
Importanti huma l-ideat, ġejjin minn fejn ġejjin, li nistgħu naqblu fuqhom, li jġibu l-għaqda u li jġeddu l-Partit. F’dan jien jien sempliċi faċilitatur.
B’saqajk mal-art kemm taħseb li tista’ tħaffef il-ħidma li se tkun qed tagħmel biex il-Partit jirritorna fl-istat li jkun l-għażla naturali tal-Maltin?
Ix-xogħol hu sempliċi daqskemm diffiċli. Jiddependi mir-rieda tajba u r-raġuni ċara u oġġettiva ta’ kulħadd.
S’issa l-burdata ta’ diversi hi li nkomplu nikkustinjaw u nħaffru ‘l isfel.
Jeħtieġ infittxu nibdlu l-burdata.
Naqblu li hemm bżonn ta’ riformi konkreti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista… imma dawn ir-riformi x’jirrigwardaw l-aktar?
Jirrigwardaw il-ħsieb, l-istruttura, l-organizazzjoni, il-kommunikazzjoni u t-tmexxija.
Diġà fil-jiem li għaddew ingħad ħafna diskors dwar proċess ta’ riflessjoni fid-dawl tat-triq ‘il quddiem… X’għandek f’moħħok? Nemmen li aktar milli riflessjonijiet hemm il-ħtieġa ta’ azzjonijiet konkreti u diretti…. Il-kummenti tiegħek?
Iva, azzjonijiet konkreti.
Hemm ħafna xogħol x’isir. Imma l-ewwel irridu niġu flimkien u mhux nibqgħu riġidi fil-pożizzjonijiet rispettivi.
Edward Debono jagħti eżempju ċar. Nies jistgħu jidħlu ġo djalogu b’ideat fissi daqs statwa tal-irħam. Alla ħares tmissilhom għax jaħsbu li se tipprova tkissirilhom.
Hemm oħrajn li jidħlu għal djalogu b’ideat bħal ballun tafal, imma fi djalogu ma’ ħaddiehor joħolqu skultura mill-isbaħ.
Jien nixtieq li kulħadd ikun bħat-tieni grupp ta’ nies.
Spjegajt ukoll fuq l-imparzjalità tiegħek f’dan il-proċess f’sitwazzjoni li fiha hemm diversi kurrenti. Is-soluzzjoni jew soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista għandha diversi faċċati. Kif qed tħares lejn is-soluzzjoni tas-sitwazzjoni?
Is-soluzzjoni ma tiddependix minni. Tiddependi minn kull min hu involut.
Temmen li n-Nazzjonalisti ġenwini matul l-aħħar xhur kienu mweġġa’ b’mod ripetut?
Iva ħafna.
Il-partitarji u t-tesserati huma mweġġgħin u konfużi jaraw lill-Partit li fih tant investew sagrifiċċji, ħidma volontarja, flus u enerġija jitherra b’dan il-mod.
Mistoqsija tal-aħħar… Int ġgant fil-politika u għal snin twal kont tifforma parti minn Partit Nazzjonalista rebbieħ fis-snin Sebgħin, Tmenin, Disgħin u anki l-bidu tas-snin Elfejn… 25 sena ta’ suċċessi li grazzi għalihom pajjiżna mexa qatigħ ‘il quddiem… illum kif tħares lejn il-ġejjieni tal-Partit Nazzjonalista? Terġa’ tarah Partit Nazzjonalista rebbieħ?
Il-ġganti qegħdin biss fil-ħrejjef.
Hu biss jekk ningħaqdu u ninbidlu li l-Partit Nazzjonalista għandu futur mill-isbaħ li fih jerġa’ jkun rebbieħ.
Għall-ġid ta’ Maltin u l-Maltin u l-Għawdxin.
//= $special ?>