Internazzjonali

Donald Trump warrab mill-ftehim mal-Iran ‘biex jinsulta lil Obama’

Memorandum miktub mill-eks ambaxxatur Britanniku għall-Istati Uniti żvela li l-President Amerikan Donald Trump kien iddeċieda li jwarrab mill-ftehim nukleari tal-2015 mal-Iran ‘biex jinsulenta’ lill-President Amerikan ta’ qablu, Barack Obama.

F’dan il-leak ta’ informazzjoni Kim Darroch, li rriżenja jiem ilu minn ambaxxatur, fisser l-azzjoni ta’ Trump  bħala ‘vandaliżmu politiku’. Intant, rapport fil-gazzetta Britannika Mail on Sunday qal li l-memorandum kien inkiteb wara li Boris Johnson, dak iż-żmien, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, kien appella lill-Istati Uniti, fl-2018, biex iżżomm mal-ftehim storiku li kienu ffirmaw l-Iran u l-potenzi tad-dinja.

L-aħħar żviluppi saru magħrufa minkejja li l-Pulizija Metropolitana (fir-Renju Unit) wissiet biex l-informazzjoni ma tkunx ippubblikata. L-ewwel memos li kritikaw il-Gvern ta’ Trimp ħarġu daqs ġimgħa ilu u qanqlu reazzjoni furjuża min-naħa tal-President Amerikan — b’Kim Darroch, imbagħad, iwarrab mir-rwol ta’ ambaxxatur.

Sadanittant, The Mail on Sunday irrapporta li Darroch kien kiteb lil Boris Johnson u infurmah li Trump deher li kien qed jabbanduna l-patt nukleari mal-Iran ‘għal raġunijiet ta’ personalità’ u għaliex il-patt kien ġie ffirmat mill-President ta’ qablu, Barack Obama.

Taħt il-ftehim, l-Iran kien qabel biex jillimita l-attivitajiet nukleari sensittivi tiegħu bi skambju mat-tneħħija ta’ uħud mis-sanzjonijiet imposti fuqu.