Riyad Mahrez skorja ġmiel ta’ free-kick b’dak li prattikament kien l-aħħar xutt tal-logħba hekk kif l-Alġerija għelbet lin-Niġerja 2-1 u għaddiet għall-finali tat-Tazza Afrikana. Il-plejer ta’ Manchester City skorja bi ġmiel ta’ free-kick fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
L-Alġerija fetħet l-iskor meritatament fl-40 minuta, bid-difensur William Troost-Ekong jispiċċa jikkonkludi fix-xibka tiegħu stess mill-viċin, fit-tentattiv li jbiegħed kross imxellef ta’ Mahrez. In-Niġerjani ġabu d-draw fil-71 minuta meta b’konsultazzjoni mal-VAR, Aissa Mandi kien penalizzat li waqqaf ix-xutt ta’ Peter Etebo b’idu. Mill-11-il metru Odion Ighalo skorja.
Il-logħba dehret li se tkompli fil-ħin regolamentarji sakemm Mahrez skorja fil-95 minuta biex żamm it-tamiet tal-Alġerija li tirbaħ it-Tazza Afrikana għat-tieni darba.
L-avversarji tagħhom se jkunu s-Senegal li għaddiet għall-finali għat-tieni darba b’rebħa fil-ħin barrani ta’ 1-0 kontra t-Tuneżija. Iż-żewġ timijiet fallew penalty kull wieħed fil-ħin regolamentari, bil-logħba tiġi deċiża fil-ħin barrani b’awto-gowl ta’ Dylan Bronn fil-101 minuta.
Is-Senegal iddominat l-ewwel taqsima b’Mane jfalli l-aħjar opportunità meta falla minn qagħda ideali. It-Tuneżija tjiebet fit-tieni taqsima u fil-75 minuta ngħatat penalty meta xutt ta’ Ferjani Sassi ħabat ma’ id Kalidou Koulibaly fil-kaxxa, iżda x-xutt ta’ Sassi kien salvat minn Alfred Gomis.
Sitt minuti wara kienu s-Senegaliżi li ngħataw penalty meta Bronn waqqa’ lil Ismaila Sarr fil-kaxxa. Mouez Hassen irnexxielu jsalva x-xutt ta’ Henri Saivet, iżda l-gowlkiper Tuneżin ma seta’ jagħmel xejn fil-101 minuta meta Bronn spiċċa skorja fix-xibka tiegħu stess b’daqqa ta’ ras. Is-Senegal qed tittama li tirbaħ it-Tazza Afrikana għall-ewwel darba iżda se tkun mingħajr il-captain influwenti Koulibaly li se jkun sospiż.
//= $special ?>