Lokali

“Flimkien se nkunu aktar b’saħħitna” – Adrian Delia

Dawn huma żminijiet ta’ prova għall-Partit Nazzjonalista, iżda ninsab kundifenti li flimkien se jirnexxilna nkunu iktar b’saħħitna. Hekk kiteb il-Kap tal-PN Adrian Delia f’artiklu f’The Sunday Times of Malta.

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approva unanimament il-proposta ta’ Adrian Delia li jaħtar lil Louis Galea biex imexxi proċess ta’ riforma fi ħdan il-Partit. Huwa talab lil Louis Galea biex jirriforma lill-partit u jagħmlu iktar rilevanti għas-soċjetà tal-lum. 

It-telgħa hija waħda iebsa imma l-Kap tal-PN jinsab kunfidenti li m’hemm ebda sfida li l-Partit, jekk ikun magħqud ma jistax jegħleb.

Adrian Delia saħaq li meta ġie elett mexxej tal-Partit kien wiegħed mod ġdid ta’ kif għandha ssir il-politika. Huwa kien konxju li l-PN sofra diversi telfiet elettorali u għalhekk it-triq ma kinitx se tkun waħda faċli. Filfatt, is-sentiment ġenerali meta hu ħa t-tmun tal-Partit f’idejh, kien li hija biċċa xogħol kważi impossibbli biex tegħleb lill-Partit Laburista.

Ċertament, wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda, dan is-sentiment għadu jippersisti iżda Adrian Delia jgħid li jinsab determinat, issa aktar minn qatt qabel li jkun hemm bidla fi ħdan il-PN. Bidla li Louis Galea se jgħin fiha billi jagħmel riforma fil-Partit fejn l-irwol tiegħu għandu jkun awtonomu u ħieles minn kwalunkwe interferenza mit-tmexxija tal-Partit. Flimkien lesti li jagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ biex il-PN jirriforma ruħu u jerġa’ jkun partit li jista’ jkun elett fil-Gvern. Madankollu, Adrian Delia qal li dan ma jistax isir jekk il-Partit ma jingħaqadx flimkien.

Fil-Kunsiill tal-Ġenerali tas-27 ta’ Lulju se ssir votazzjoni fuq mozzjoni ppreżentata minn attivisti tal-Partit. Adrian Delia saħq li ismu se jkun fuq il-karta tal-votazzjoni u kien hu stess li insista li dan għandu jsir. Meta kkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Parit, il-Partit kien għadu ġej minn telfa elettorali kbira u minn sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ħafna. Dak iż-żnien, sostna l-Kap tal-PN, huwa ma telaqx l’hemm u għalhekk żgur mhux se jabbanduna lill-Partit issa. Iżda l-ewwel, jixtieq li jiġu rranġati ċerti affarijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Hemm deċiżjonijiet diffiċli li jridu jittieħdu. Il-Gvern Laburista mhux inivinċibbli, imma l-ewwel hemm bżonn li l-PN jerġa’ jibda jkun kridibbli. Il-PN irid ikollu viżjoni ċara għal Malta tal-lum u ta’ għada. Dan huwa perjodu eċċitanti għall-Partit Nazzjonalista fejn ir-riformi jistgħu jkunu xi drabi iebsa.

Fl-aħħar elezzjonijiet, eluf ta’ nies għażlu li jivvutaw lil Partit Laburista jew li ma jivvutawx. Adrian Delia saħaq li rridu ninvestigaw għaliex dawn in-nies għażlu li ma jiħdux sehem fil-proċess demokratiku. Dawn in-nies għandhom jerġgħu jibdew iħossuhom komdi mal-Partit. Huma għandhom jemmnu, għal darb’oħra, li l-Partit Nazzjonalista huwa l-aħjar aġent għall-bidla u l-prosperità.

“Aħna mhux se nabbandunaw il-vjaġġ li l-Partit daħal għalih. Irridu niltaqgħu mal-imsieħba soċjali, ma’ aktar nies u mas-soċjetà ċivili. Irridu nifhmu l-ħtiġijiet tagħhom u kif nistgħu nirrappreżentawhom.”

Adrian Delia temm l-artiklu tiegħu fejn qal li t-triq hija waħda twila, iżda flimkien se jirnexxielna naslu.