Internazzjonali

Franza: Enfasi fuq difiża komuni għall-Ewropa waqt Jum Bastilja

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, enfasizza l-importanza ta’ politika komuni għad-difiża u s-sigurtà tal-Ewropa, waqt diskors prinċipali relatat mal-programm taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum Bastilja ( il-Jum Nazzjonali ta’ Franza) f’Pariġi.

Fid-diskors tiegħu, Macron qal li qatt, minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn,  ma nħasset daqshekk in-neċessità għal Ewropa magħquda. Hu kompla li t-tkattir ta’ difiża fuq kunċett Ewropew u b’konnessjoni mal-Alleanza tal-Atlantiku  jibqa’ priorità għal Franza.

Qabel laqa’ lill-mexxejja l-oħra tad-dinja li attendew għall-parata militari annwali fl-okkażjoni ta’ Jum Bastilja, Macron sostna li ‘azzjoni komuni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Ewropa biex taġixxi b’mod kollettiv jinkwadraw fost l-isfidi li jridu jkunu indirizzati, l-istess bħal proġetti importanti oħrajn fuq livell Ewropew’.

Wara l-manifestazzjonijiet tallum f’Pariġi inqalgħu numru ta’ konfronti bejn gruppi ta’ dimostranti u pulizija fost l-isparar tal-gass tad-dmugħ mill-qawwiet tal-liġi fil-kapitali. Dan waqt li fl-aħħar sigħat seħħew għexieren ta’ arresti.

Jum Bastilja jikkommemora l-assedju tal-1789 fuq il-ħabs ta’ Bastilja li mexxew il-folol tal-Pariġini waqt l-ewwel fażi tal-famuża Rivoluzzjoni Franċiża.

Id-data tal-anniversarju kienet rikonoxxuta bħala l-Jum Nazzjonali ta’ Franza fl-1880 u din il-ġurnata, kull sena, qed tkun imfakkra bil-parati, id-diskorsi u l-ispettakli bl-ajruplani u l-logħob tan-nar.

L-aktar avveniment mistenni mill-pubbliku f’dan il-jum, intant, kienet il-parata militari ewlenija tul iz-zona ta’ Champs Elysees, f’Pariġi. Waqt il-programm, spikkat ukoll dimostrazzjoni ta’ titjira bi ‘flyboard’ (ara ritratt fuq) li l-Armata Franċiża qed tikkunsidra li tużah, ‘il quddiem, għal skopijiet militari.