Formula 1 Sport

Hamilton jieħu vantaġġ mis-Safety Car u jirbaħ f’Silverstone għas-sitt darba

(Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton kabbar il-vantaġġ fil-klassifika ġenerali għal 38 punt wara li kiseb rebħa fil-Grand Prix tal-Gran Britannja, f’dik li kienet is-sitt rebħa tiegħu fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone. Valtteri Bottas temm it-tieni f’doppjetta oħra għal Mercedes.

Charles Leclerc kiseb ir-raba’ podju konsekuttiv tiegħu bit-tielet post fuq karozza Ferrari segwit minn Pierre Gasly fuq Red Bull li kien l-aħjar riżultat personali għalih. Max Verstappen kellu jikkuntenta bil-ħames post wara inċident fit-tieni parti tat-tellieqa hekk kif intlaqat minn wara minn Sebastian Vettel li kellu jidħol jibdel il-front wing u ngħata penalità ta’ 10 sekondi biex temm fis-16-il post.

L-ewwel parti tat-tellieqa kienet fost l-isbaħ f’dan l-istaġun biż-żewġ sewwieqa ta’ Mercedes jissieltu fuq quddiem filwaqt li Leclerc u Verstappen urew il-ħila tagħhom bi dwell mill-aktar missielet segwiti minn Sebastian Vettel u Pierre Gasly.

Dan kollu nbidel meta Antonio Giovinazzi ta’ Alfa Romeo tilef il-kontroll u wassal biex ħarġet is-Safety Car ftit qabel ma kien dieħel Lewis Hamilton biex jibdel it-tyres. Hamilton ħareġ bl-aktar tyres iebsin li kienu jwasslu sal-aħħar tat-tellieqa u b’hekk baqa’ quddiem Bottas li kien diġà daħal fuq strateġija ta’ żewġ waqfiet.

Sitwazzjoni simili għal Charles Leclerc u Max Verstappen li ġeddew id-dwell bejniethom, b’Verstappen jirnexxilu jaqbeż lis-sewwieq ta’ Ferrari u deher li seta’ jikseb podju, sakemm wasal l-inċident ma’ Vettel.

Carlos Sainz spiċċa fis-sitt post fuq McLaren, segwit minn Daniel Ricciardo fuq Renault, Kimi Raikkonen fuq Alfa Romeo, Daniil Kvyat fuq Toro Rosso u Nico Hulkenberg fuq Renault li komplew l-ewwel għaxra.

Fil-Klassifika Ġenerali, Hamilton issa għandu 223 punt, 39 punt aktar minn Valtteri Bottas. Max Verstappen baqa’ fit-tielet post b’136 punt segwit minn Sebastian Vettel b’123 punt u Charles Leclerc b’120 punt. Il-Grand Prix li jmiss issir ġimagħtejn oħra fil-Ġermanja fiċ-ċirkwit ta’ Hockenheimring.