Qed jiħraxu l-oġġezzjonijiet kontra l-pjanijiet biex jiġi estiż l-ogħla livell ta’ blokka ta’ uffiċini proġettata għal sitt sulari li tinkorpora dar tas-seklu 18 fil-Belt Valletta – L-applikant huwa l-avukat tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Pawlu Lia.
Oriġinarjament, l-applikazzjoni ġiet miċħuda iżda f’Diċembru li għadda, l-avukat tal-Prim Ministru, rnexxielu jreġġa’ lura din id-deċiżjoni.
L-NGO Ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar ingħaqdet ma’ Din l-Art Ħelwa meta oġġezzjonat għall-proġett kollu – Il-Belt Valletta u l-orizzont tagħha għandhom jingħataw l-ogħla protezzjoni jekk irridu li ma jintilifx l-istatus tagħha tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO.
Meta kkuntattjata mill-gazzetta The Sunday Times, il-koordinatriċi tal-FAA Astrid Vella qalet li l-proġett se jeqred l-orizzont protett tal-Belt Valletta kif ukoll il-karattru storiku tal-kapitali tagħna.
“Fl-2006, il-Belt Valletta u l-Imdina kienu l-uniċi bliet li baqgħu mingħajr mapep li jillimitaw l-għoli fil-pjanijiet lokali, apparentement minħabba li kienu protetti. Imma fil-verità, dan qed iwassal għal abbuż hekk kif diversi lukandi boutique qed jinbnew fil-Belt Valletta. Kien hemm 27 applikazzjoni fl-aħħar għadd – kompliet tgħid Astrid Vella.
Hija qalet li l-karattru storiku uniku tal-Belt Valletta qed jiddgħajjef minn kummerċjalizzazzjoni żejda li tista’ tiġi ttrattata b’mod ħafna iktar sensittiv kieku l-Awtorità tal-Ippjanar tagħmel xogħolha sew.
Min-naħa l-oħra l-president ta’ Din l-Art Ħelwa, Alex Torpiano, fil-ġranet li għaddew qal lis-sit Lovin Malta li l-orizzont tal-Belt Valletta għandu jkun ippreservat għax inkella se jinħoloq preċedent perikoluż jekk f’daqqa waħda jiġi deċiż li l-orizzont tal-Belt mhux iktar importanti u nibdew inżidu l-art mal-bini. L-applikazzjoni l-ġdida ta’ Pawlu Lia, l-avukat tal-Prim Ministru, qed tfittex li tkabbar l-art ta’ wara fuq is-sitt livell… Dan filwaqt li s-sit diġà għandu permess għal żewġ sulari addizzjonali.


