Internazzjonali

Jissieħbu fi protesti ġodda f’Hong Kong

Għexieren ta’ eluf ta’ nies ħarġu mill-ġdid fit-toroq ta’ Hong Kong biex komplew bil-protesti kontra l-Gvern, fost ġimgħat konsekuttivi ta’ inkwiet ċivili. Seħħew mill-ġdid il-konfronti vjolenti bejn il-pulizija u dimostranti fl-inħawi ta’ Sha Tin, bin-nies ikomplu jesprimu l-għadab għal abbozz ta’ liġi propost biex ir-residenti f’Hong Kong ikunu estraditi lejn iċ-Ċina għal proċessi tal-qorti.

L-aħħar dimostrazzjonijiet qed jirriflettu insistenza akbar għal riformi demokratiċi fost ir-residenti ta’ Hong Kong li qed jinkwetaw dwar it-tnaqqis tal-libertà f’dan it-territorju semi-awtonomu.L-aħħar rapporti qalu li l-Mexxejja ta’ Hong Kong, Carrie Lam, offriet diversi drabi li tirriżenja minħabba l-protesti iżda ċ-Ċina insistiet li hi tkompli fil-kariga ‘waqt li ġġib is-sitwazzjoni lura taħt kontroll.’

Hong Kong – eks kolonja Britannika – jifforma parti miċ-Ċina iżda qed jitmexxa taħt ftehim li jesiġi l-kunċett ta’ ‘pajjiż wieħed b’żewġ sistemi’.