Lokali

L-Eżekuttiv imsejjaħ għal nhar it-Tlieta biex ikompli jiddiskuti l-Kunsill Ġenerali msejjaħ minn Adrian Delia

• Kummisjoni elettorali indipendenti mmexxija minn Francis Zammit Dimech tassigura li l-votazzjoni titmexxa bi trasparenza u b’regoli stabbiliti mill-Istatut

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jiltaqa’ nhar it-Tleta li ġej biex ikompli jiddiskuti l-Kunsill Ġenerali msejjaħ mill-Kap tal-PN Adrian Delia għas-27 ta’ Lulju li ġej. Il-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calscione qal li sejjaħ din il-laqgħa wara numru ta’ laqgħat mas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-President tal-Kummissjoni Elettorali Francis Zammit Dimech u ma’ Mark Anthony Sammut ir-rapprezentant tal-petizzjoni li qed jistaqsu jekk Adrian Delia għandux jibqa’ fit-tmexxija tal-PN.

Fl-aħħar laqgħa tiegħu l-Kumitat Eżekuttiv diġa’ ħatar Kummissjoni Elettorali biex jassigura li l-proċess ikun wieħed trasparenti u ġust. Il-Kummissjoni Elettorali hija magħmula minn 7 membri u hija mmexxija minn Francis Zammit Dimech bħala chairperson indipendenti li kien maqbul b’mod unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv. Il-membri l-oħra huma żewġ membri tal-Elcom, li jmexxu l-elezzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, u żewġ membri għal kull naħa magħżula miz-żewġ gruppi ta’ petizzjonisti nfushom. Il-voti f’dan il-Kunsill Ġenerali jridu jkunu kollha kemm huma vverifikati u approvati mill-Kummissjoni. Mill-mument li ssejjaħ il-Kunsill Ġenerali u nħatret il-Kummisjoni elettorali, l-listi u l-obbligu tal-verifikazzjoni għaddew għand il-Kummisjoni u l-ebda individwu w uffiċjal m’għandu dritt jibdilhom u l-proċess ta’ verifikazzjoni diġa’ beda u miexi ġmielu.

Fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv kien hemm diġa’ qbil mal-proposta tal-Kap tal-Partit li għażel li jkun hu nnifsu li jsejjaħ il-Kunsill Ġenerali taħt klawsola tal-Istatut li tippermettilu jagħmel dan. Dan għamlu anke biex jissorvola d-dubji li qamu dwar il-validità tal-ewwel petizzjoni. Wara verifikazzjoni, l-petizzjoni  li kienet qed titlob lil Adrian Delia jġorr ir-responsabbiltà kellha 84 minn 200 firma li jew ma’ kienux validi jew ma’ kienux aġġornati filwaqt li mill-verifika tat-tieni petizzjoni li tablet biex ikun rispettat il-vot tat-tesserati li għażel lil Adrian Delia bħala l-Kap tal-PN rriżulta li minn 536 firma kien hemm 429 li kienu validi u aġġornati. Kunsill Ġenerali tal-PN jista’ jitlaqqa’ jew mill-Kap tal-Partit jew mill-Eżekuttiv tal-Partit jew b’talba ta’ 150 membru tal-Kunsill Ġenerali. Adrian Delia kkonferma fl-Eżekuttiv l-Kunsill Ġenerali se jsejjħu hu, u li fih xorta kien se jistaqsi lill-Kunsillieri  domanda dwar jekk jaqblux li hu għandu jibqa’ jmexxi l-partit sal-elezzjoni li jmiss kif ingħatalu l-mandat mit-tesserati f’Settembru 2017.

Sadanittant Alex Perici Calscione wieġeb ittra mibgħuta lilu u mqassma lill-midja kollha minn Ivan Bartolo, Mark Anthony Sammut, Emma Portelli Bonnici, Emvin Bartolo u Martin Musumeci r-rappreżentanti tal-petizzjoni li kienet staqsiet jekk Adrian Delia għandux jirriżenja.

Il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li jibqa’ jgħozz il-valuri tad-demokrazija, s-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni jħares ‘il quddiem għal kull diskussjoni bbażata fuq il-verità tal-fatti.