Waqt it-tnedija mill-YMCA tal-ktieb bl-isem ta’ ‘Home is…’ fil-preżenza ta’ residenti minn Dar Niki Cassar għal nies bla saqaf fuq rashom, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, saħqet li l-fatt li jkollok dar mhuwiex biss dritt uman imma essenzjali għal saħħitna.
Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li l-ktieb “Home is…” jgħaqqad sew fuq it-tifsira ta’ x’inhi dar, ta’ xi jfisser li jkollok il-lok li inti ssejjaħlu d-dar tiegħek, ħaġa li tagħtik sens ta’ wellbeing komplut, għaliex inti fid-dar tiegħek tħossok komdu, u tħossok li tkun int.
“Allura b’hekk inti jkollok is-sens ta’ paċi, sens ta’ rispett u s-sens ta’ dak kollu li jagħmlek tħossok tajjeb. Min-naħa l-oħra, ir-riċerka turina li meta persuna ma jkollhiex post li tkun tista’ ssejjaħlu d-dar tiegħu jew tagħha, dan ikollu effett saħansitra fuq is-saħħa fiżika u s-saħħa mentali tal-persuna. Id-dritt ta’ fejn ngħixu mhuwiex privileġġ, imma joħroġ mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, bħala soċjetà li niprofessaw il-ġustizzja soċjali, irridu nwettqu dan id-dritt ħalli kulħadd ikun jista’ jgawdi d-dar tiegħu.”
It-tnedija tal-ktieb mill-YMCA li taħdem favur dawk bla saqaf fuq rashom b’diversi servizzi ta’ appoġġ, saret fil-Hilltop Gardens, fin-Naxxar, fil-preżenza wkoll ta’ Rachel Scicluna, Urban Anthropologist, rappreżentanta tal-Ministeru għall-Familja, drittijiet tat-tfal u ħarsien soċjali, Diretturi tal-Bord, voluntiera u membri ta’ għaqdiet oħra.
Anthony Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-YMCA, spjega kif tkun bla saqaf fuq rasek mhijiex problema soċjali biss imma hija ħalliel tal-identità. Hija sitwazzjoni li ma tħallix l-individwu jibni l-affezzjoni ġenwina li twassal għat-tifsira tal-ħajja tal-individwu.
Huwa qal li dan il-ktieb jgħaqqad ix-xewqa vera ta’ nies li huma bla saqaf fuq rashom – ix-xewqa sabiex tinbena affezzjoni li l-qofol tagħha huwa l-ispazju fejn jinbnew memorji sbieħ, ħbiberiji, familji u spazju fejn tinbena l-identità tal-persuna, fejn wieħed jista’ jkun hu, bil-personalità tiegħu u l-karattru tiegħu.
Il-kelliema antropoloġista Rachel Scicluna, għarrfet l-udjenza bl-importanza li l-familja hija l-bażi ta’ soċjetà b’saħħitha. Għalhekk, hija saħqet fuq modi differenti ta’ kif l-isttuttura fiżika biss hija waħda mill-elementi u mhux l-uniku wieħed li għandu jiġi trattat fil-ħidma soċjali.
Għaliex il-familja hija waħda dinamika u tinbidel maż-żminijiet, Scicluna spjegat u żiedet kif huwa meħtieġ li nibdew nagħtu aktar importanza lil diversi modi u mudelli ta’ komunitajiet li jgħixu ma’ xulxin.
Gwennaelle Viard, li rrappreżentat lit-tim li ħadem fuq dan il-ktieb, spjegat il-proċess ta’ dan il-proġett kif ukoll l-element tal-ħin issimbolizzat b’arloġġ fuq id-diversi ritratti li jikkumplimentaw il-messaġġ ta’ dan il-ktieb.
Dan il-proġett kien wieħed ispirat mill-awtur ta’ dan il-ktieb, Therese Cini Sarreo, li matul il-ħidma tagħha fil-YMCA kienet tmexxi d-djar ta’ nies bla saqaf fuq rashom, inkluż dik ta’ tfal minuri. Dan wassal sabiex inbeda l-proċess fuq dan il-proġett li laħaq il-qofol tiegħu bit-tnedija ta’ dan il-ktieb.
Il-pubbliku jista’ jixtri dan il-ktieb kemm mill-Uffiċċju Ġenerali tal-YMCA fil- Belt jew mis-sit www.ymcaspreadthelove.com.
//= $special ?>

