Ikomplu jikbru d-dubji dwar jekk hux vera li Kastilja hija kommessa li tagħmel inkjesta indipendenti fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan hekk kif f’intervista li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu l-Ħadd filgħodu fuq ir-radju tal-Partit Laburista, għażel li ma jsemmi xejn fuq din l-inkjesta.
Il-Gvern, permezz tal-Ministru Carmelo Abela, ħabbar li se jkun qed jornda l-inkjesta wara li spiċċa redikolat mill-Kunsill tal-Ewropa. Inkjesta li se tibda wara 21 xahar minn mindu seħħ dan l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Hija stramba li fuq din il-kwistjoni Muscat għażel li jibqa’ sieket u ma jikkummentax. Filfatt kien il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela li ħabbar dan… mhux il-Prim Ministru… u dan lanqas ma għamlu f’pajjiżna… iżda f’Londra waqt li kien qed jindirizza konferezna bit-tema Il-Libertà fil-Media.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia dil-ġimgħa stqarr li jeħtieġ li l-Bord ta’ Inkjesta li se jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkun tassew indipendenti u imparzjali…u jkun maħtur bl-approvazzjoni tal-Parlament kollu u mhux biss bl-approvazzjoni ta’ Joseph Muscat.
Adrian Delia saħaq li l-Bord ta’ Inkjesta għandu jkun tassew indipendenti u imparzjali biex issir ġustizzja. Il-familja Caruana Galizia u l-poplu Malti u Għawdxi bi dritt jinstennew li jsiru jafu l-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.Il-Gvern ilu xhur sħaħ ikaxkar saqajh biex jagħmel dak li titlob is-saltna tad-dritt, u biex ma jaqdix dmiru żeblaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa. Biex issa sa fl-aħħar kellu jbaxxi rasu u jagħmel dak li messu għamel mill-bidu nett – jiġifieri jordna inkjesta li tkun waħda indipendenti u pubblika.
//= $special ?>