Internazzjonali

Stati Uniti: Il-maltemp ta’ ‘Barry’ javvanza minn Louisiana

Maltempata kbira mlaqqma ‘Storm Barry’ fl-aħħar sigħat kienet qed tavvanza tul l-artijiet ta’ Louisiana, bl-uffiċjali lokali jwissu dwar inċidenzi ta’ għargħar ta’ potenzjal qattiel. 

L-elementi, għal żmien, kienu laħqu l-livell ta’ uragan iżda, issa, naqsu
xi ftit mill-intensità, minkejja li baqgħu jiddominaw l-irwiefen b’veloċità ta’ kważi 100 kilometru fis-siegħa.

Il-maltemp ta’ ‘Barry’ deher miexi fid-direzzjoni tal-majjistral fost l-inżul tax-xita qawwija. Dan meta l-agħar elementi kienu mistennija jolqtu zona lejn il-punent mill-belt ta’ New Orleans, filwaqt li jaffettwaw ir-reġjun ta’ madwarha.

Eluf ta’ residenti kienu evakwati mill-aktar zoni f’periklu ta’ għargħar, b’residenti oħrajn ikunu mwissija biex isibu l-kenn fil-lokalitajiet tagħhom.Dan meta ‘il fuq minn 100,000 residenza spiċċaw mingħajr servizzi tad-dawl madwar l-Istat ta’ Lousiana.

Intant, kellhom jitħassru numru kbir ta’ titjiriet lejn u mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Louis Armstrong fl-inħawi ta’ New Orleans.

Ftit qabel laqat il-maltemp, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien iddikjara stat ta’ emerġenza fuq livell federali għall-Istat kollu ta’ Louisiana.