Lokali

Tikber l-ispekulazzjoni dwar il-futur ta’ Muscat

Hekk kif issa jidher li Joseph Muscat ma rnexxielux fit-tir tiegħu li jkollu kariga għolja fl-Unjoni Ewropea, tkompli tikber l-ispekulazzjoni dwar jekk Muscat hux se jkompli fil-kariga.

Il-Gazzetta The Malta Independent On Sunday tikkwota sorsi jgħidu li Muscat aktarx jibda l-proċess biex iwarrab minn Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista lejn l-aħħar ta’ din is-sena wara li jkun preżentat il-Budget. Dan il-ħsieb qed ikun sostnut bl-aħħar dikjarazzjonijiet tal-istess Joseph Muscat li reġa’ tenna li mhux se jkun qed imexxi l-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss kif ukoll mill-movimenti ta’ nies qrib tiegħu, fosthom Kurt Farrugia.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern mill-2013 mix-xahar id-dieħel se jkun il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise.

Iżda min-naħa l-oħra, l-istess gazzetta tikkwota sorsi oħrajn jgħidu li Muscat jista’ jibqa’ fil-kariga. Huma jgħidu li Muscat għad għandu 45 sena u mhux lest li jirtira għal kollox filwaqt li mhux interessat f’impjieg fis-settur privat.

Anki jekk Joseph Muscat ma jitlaqx mill-kariga, xorta waħda se jkun hemm xi forma ta’ reshuffle fil-Kabinett. Dan hekk kif qed jissemmew il-Ministri Edward Scicluna u Helena Dalli bħala n-nomini tal-Gvern Malti għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida taħt it-tmexxija ta’ Ursula van der Leyen.

The Malta Independent on Sunday tgħid li Muscat kellu problema min se jagħżel minn dawn it-tnejn, iżda jidher li din il-problema solvithielu l-istess van der Leyen meta talbet lil kull Stat Membru jissottometti żewġ nomini, waħda ta’ raġel u l-oħra ta’ mara għaliex hi qed timmira li jkun hemm Kummissjoni Ewropea b’rappreżentanza bilanċjata bejn irġiel u nisa.

Il-gazzetta tirrapporta li l-Gvern avviċina lill-Oppożizzjoni biex jitlob garanzija tal-appoġġ tagħha għan-nomini tal-Gvern għall-Kummissjoni Ewropea, iżda skont l-istess rapporti, l-Oppożizzjoni qalet li ma tistax tintrabat tappoġġja kandidat li għadu lanqas biss ġie msemmi.