Lokali

Il-PN dispost li l-Parlament ma jaġġornax sabiex il-Kamra tistabbilixxi inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, permezz ta’ stqarrija ippubblika korrispondenza li bagħat lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

F’din l-ittra, l-Oppożizzjoni tiddikjara li tinsab ippreparata li l-Parlament ma jaġġornax għad-data li diġà tħabbret, dik tas-7 ta’ Ottubru 2019, u minflok il-Parlament jibqa’ jiltaqa’ matul il-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

Dan sabiex il-Kamra tkun tista’ tiddiskuti u tivvota dwar mozzjoni jew liġi li tistabbilixxi l-ħatra ta’ inkjesta pubblika u indipendenti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fl-ittra intqal li f’Ottubru 2018, l-Oppożizzjoni kienet resqet mozzjoni fil-Parlament sabiex jinħatar Bord ta’ Inkjesta dwar l-Assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-ittra ntqal li minkejja li l-Oppożizzjoni dejjem uriet rieda tajba,  il-Gvern kien għażel li jemedna mozzjoni b’tali mod li ma tkunx imnedija inkjesta pubblika u minflok intilef f’tifħir lejh.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li l-Gvern Malti qieħed imur kontra l-interess nazzjonali u jippersisti l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-familja Carauana Galizia.

Tajjeb li ngħidu li l-Ministru Carmelo Abela wiegħed lil UK Foreign & Commonwealth Office li fit-terminu ta’ tliet xhur imposti fuq il-Gvern mill-Kunsill tal-Ewropa huwa kien sejjer iwaqqaf inkjesta pubblika sabiex tinvestiga jekk il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet ta’ pajjiżna kienux adegwati biex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia minn dak ir-riskju.

Il-Gvern ilu xhur sħaħ ikaxkar saqajh biex jagħmel dak li titlob is-saltna tad-dritt, u biex ma jaqdix dmiru żeblaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.